Ix-xogħol fuq it-trakka tal-karozzi fi stat avvanzat
Mal-ILLUM is-Segretarju Parlamentari inkarigat jgħid illi l-proġett tal-korsa tal-karozzi jinsab fi stat avvanzat
minn Liam Carter
Il-ġimgħa l-oħra l-Parlament, b’mod unanimu, approva l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Issa li l-korsa se tkun qed tgħaddi f’idejn il-privat b’konċessjoni ta’ 65 sena, l-ILLUM tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima u staqsietu diversi mistoqsijiet fuq ir-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa u dwar proġetti oħra tas-Segretarjat fosthom it-trakka tal-karozzi.
Meta mistoqsi dwar fiex wasal ix-xogħol fuq din tal-aħħar, Grima kien pront jisħaq illi, ‘ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat. Jiena meta ħadt ir-responsabbiltà bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport, kelli diversi pjanijiet għal proġetti varjati fuq numru ta’ dixxiplini differenti.
Nifhem li jkun hemm min jistaqsi dwar il-proġetti marbuta mal-isport tiegħu, iżda ta’ min jinnota li għall-ewwel darba fis-settur tal-isport għandna programm elettorali li qed jiġi mwettaq u anzi mmorru oltre minn dak imwiegħed.”
Skontu, it-track record tax-xogħol tal-Gvern u s-Segretarjat jikkonferma li l-Gvern se jasal sabiex it-trakka tal-karozza ssir realtà. “Ix-xogħol miexi b’ritmu mgħaġġel.
Bħalm’għamilna fil-każ tal-korsa taż-żwiemel, ma daqqejniex it-trombi għal kull pass li konna qed nagħmlu tul il-proċess. L-istess fil-każ tat-trakka għall-karozzi, meta tiġi ffinalizzata nippreżentaw il-pjanijiet,” saħaq Grima.
Ma’ din il-gazzetta Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-proġett tal-Marsa li kien ilu numru ta’ snin ippjanat se jkun fl-aħħar qiegħed jiġi attwat. “Minn stat ta’ abbandun din il-faċilità sportiva se terġa’ tieħu ħajja ġdida, se jkollna trakka ta’ prestiġju u li tagħmel ġieħ lill-isportivi lokali li tant jiddedikaw ħin għal dan l-isport.”
Żied jgħid illi b’dan il-proġett mhux biss se jkun qiegħed jagħmel ġieħ lid-dilettanti iżda se jkun qiegħed jgħin biex tiġi riġenerata medda ta’ art li għal żmien twil kienet mitluqa fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Lis-Segretarju Parlamentari staqsejnieh ukoll fuq dawk il-preokupazzjoni pubblika dwar il-parkeġġ li se jkun qiegħed jittieħed f’dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni, jiġifieri dak tal-bus terminus ta’ Ħal Qormi. Huwa spjega illi, “din diġà kienet xi ħaġa importanti waqt il-pjanijiet tal-proġett, aħna se nkunu qegħdin nagħmlu parkeġġ ta’ 1,200 karozza u apparti minn hekk se nagħmlu terminus ta’ tal-linja integrat taħt l-art,” qal Grima.
Waħda mill-isfidi f’dan il-proġett żgur li kienet in-nuqqas ta’ qbil tal-Malta Polo Club li f’rapport separat, aktar kmieni dan ix-xahar, ilmenta li ma kienx ġie kkonsultat fuq it-tibdiliet li se jġib dan il-proġett. Mistoqsi fuq din l-affari, Grima spjega li l-klabb tal-Malta Polo se jkollhom tlett ijiem fil-ġimgħa ddedikati għall-isport tagħhom.
Apparti minn dan se jkunu jistgħu jużaw iż-żona fil-bqija tal-ġranet basta ma jkunux f’konflitt. Fl-istess waqt, huwa qal li jekk il-konsorzju jkun irid juża dik iż-żona jrid jibgħat lill-klabb tal-Polo 12-il ġimgħa qabel.
“Se nagħtu żona ta’ 190 metru kwadru għal club house, liema spazju hu diġà identifikat bl-opportunità wkoll li jekk fil-futur jikkomerċjalizza l-post, iħallas nofs il-prezz tas-suq. Mhux nuqqas ta’ qbil kien hemm, iżda aktar kalma u bonvolonta għaliex fil-Parlament qbilna fuq kull klawżola proposta bejn iż-żewġ partijiet,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.