Boris Johnson għadu kif kien elett il-Kap il-ġdid tal-Partit Konservattiv Ingliż hekk kif kiseb 92,153 vot mill-160,000 membru tal-Partit Konservattiv li kienu eliġibbli biex jivvutaw.
Il-kontestant l-ieħor Jeremy Hunt kiseb 46,656 vot u allura ftit iktar minn nofs il-voti li kiseb Johnson
Johnson issa se jieħu post Theresa May bħala Prim Ministru tar-Renju Unit. Huwa kien sindku ta’ Londra, eks Ministru fil-kabinett ta’ May u wieħed mill-uċuh tal-kampanja favur Brexit.
Diversi esponenti tal-Partit Konservattiv, inkluż Ministri attwali, saħqu li mhux lesti li jservu taħtu qabel ma fil-fatt kien elett.
Intant, Theresa May, li għażlet li twarrab wara li għal tlett darbiet ma rnexxilix tikseb l-appoġġ tad-Deputati tagħha stess dwar il-ftehim li hi nnegozjat mal-Unjoni Ewropea, mexxiet l-aħħar laqgħa tal-Kabinett illum stess.
L-ewwel appuntament ta’ May għada jkun mar-Reġina Eliżabetta II fejn tagħtiha r-riżenja uffiċjali tagħha u wara tassisti għal dawk magħrufa bħala l- Prime Minister's Questions, għall-aħħar darba.
Il-Prim Ministru l-ġdid jieħu uffiċjalment il-kariga ftit wara wara udjenza mar-Reġina fil-Palazz ta’ Buckingham.