'Victor Axiaq jiġbed biss il-linja tal-Gvern'; Il-PN iridu jirriżenja minnufih

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi jisħaq li wara li vvota favur il-proġett Central Link, il-pożizzjoni ta' Victor Axiaq ma għadhiex tenibbli

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi, saħaq li l-pożizzjoni taċ-Ċerpersin tal-ERA, il-Professur Victor Axiaq, ma għadhiex tenibbli wara li vvota favur il-proġett tas-Central Link.

Azzopardi fakkar li l-oppożizzjoni kontra dan il-proġett kienet unanima, kemm mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, ir-residenti u anke l-għaqdiet ambjentali.

“F'waħda mill-iktar deċiżjonijiet kontroversjali b'impatt detrimentali ambjentali kbir, li se tfisser il-qerda ta' 50,000 metru kwadru ta' art agrikola u spazji miftuħa  flimkien ma' kważi 500 siġra li jagħtu karattru uniku lil din iż-żona ta' Malta, u li uħud minnhom għandhom għexieren kbar ta' snin, flimkien mal-qtil tal-għajxien ta' ħafna bdiewa, dak li xogħlu huwa li jiddefendi l-interessi ambjentali, mhux talli baqa' fommu sieket tul il-laqgħa li damet sigħat, iżda saħansitra vvota favur din il-qerda,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Kien hawn li Azzopardi insista li ċ-Ċerpersin tal-ERA jiġbed biss il-linja tal-Gvern u għalhekk il-pożizzjoni tiegħu kompletament mhux tenibbli.

Il-PN insista li Axiaq kellu okkażjoni unika biex juri kemm hu u l-Awtorità li jmexxi huma tassew indipendenti mill-Gvern u mill-kuntratturi.

“Kellu okkażjoni unika biex jisfida 'l Gvern juri l-viżjoni fit-tul tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema tat-tniġġis fl-ajru minħabba t-traffiku iżda għażel li jibqa' sieket,” temmet tisħaq l-istqarrija.

'Jekk ma taqbilx mal-PN itajrulek rasek' - PL

 Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li l-Partit Nazzjonalista jirraġuna li jekk ma taqbilx miegħu, ittajjarlek rasek.

"Filwaqt li minn żmien għal żmien jikkwota mir-rapporti tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (ERA) biex jagħmel l-argumenti tiegħu, issa jrid ikeċċi lill-Professur Victor Axiaq għax fuq is-Central Link ma qabilx miegħu.  Il-PN irid itajjar ras il-Professur Axiaq minkejja li għandu esperjenza twila fis-settur ambjentali u dejjem kien magħruf għall-għerf u l-integrità tiegħu," saħaq il-PL.

Il-Partit Laburista insista li l-proġett kif propost illum, "differenti minn kif kien propost fi żmien gvern tal-Partit Nazzjonalista," huwa wkoll ambjentalment iktar ġust.

Insista li se jkun hemm inqas emissjonijiet u se jkun hemm żieda ta’ 212% f’żoni għas-siġar u l-pjanti. Il-PL saħaq li sa tmiem il-proġett se jkun hemm 220 siġra iktar milli hemm illum.

"Il-proġett propost se juża wkoll 57% inqas art agrikola minn kemm propost fi żmien li l-proġett kien propost fi żmien gvern Nazzjonalista," temm jgħid il-PL.

More in Politika