Il-Kunsilli Lokali: 'L-infurzar fl-indafa pubblika naqas u m'għadux effettiv

L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tgħid li l-infurzar kontra r-rimi ta' skart fit-toroq naqas u m'għadux effettiv u tappella lill-pubbliku għad-diċenza

L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali qalet fi stqarrija li m'hemmx biżżejjed infurzar u li dan mhux effettiv f'dak li għandu x'jaqsam mal-indafa pubblika. "Din il-problema qed tkompli tikber ladarba l-infurzar naqas u jidher li m’għadux effettiv. Nemmnu li qabel ma jkun hemm infurzar effettiv m’aħniex ser naraw riżultati. B’dispjaċir ikollna ngħidu li l-unika soluzzjoni li fadal biex forsi naraw riżultati huwa li jkun hemm infurzar b’ saħħtu u li jingħataw multi ħorox għal min jinqabad jikser il-liġi," temmet tgħid l-istqarrija ffirmata mill-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava. 

L_Assoċjazzjoni qalet li qed tinnota li aktar m’hu qed ikun hemm investiment mill-Gvern Ċentrali kif ukoll entitajiet diversi u anki l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali biex issir kampanja ta’ edukazzjoni favur l-indafa pubblika aktar qed jidħlu rapporti ta’ skart li qed jintrema bl-addoċċ, "ħafna drabi jinxteħet barra fi spazji pubbliċi. Dan qed iwassal biex ikun detterent anki għas-saħħa pubblika."

L-Assoċjazzjoni fakkret illi l-Kunsilli Lokali ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tirċievi b’konsistenza għadd ta’ ilmenti mingħand residenti li huma urtati bl-istat tal-indafa pubblika fil-lokalita’ rispettiva tagħhom. L-ewwel appell min-naħa tal-Assoċjazzjoni jmur għal dawk ir-residenti li minkejja l-kampanji edukattivi xorta għadu jintrema skart barra fit-triq. "Għaldaqstant l-ewwel diċenza għandha tiġi mill-pubbliku li ma jħammiġx. Il-Kunsilli Lokali joffru anki s-servizz mingħajr ħlas tal-bulky refuse għaldaqstant ma nistgħux nifhmu kif wieħed għadu jsib għadd ta’ skart mormi barra li faċilment kien jinġabar mill-Kunsill Lokali mingħajr l-ebda ħlas," qalet l-Assoċjazzjoni

L-Assoċjazzjoni appellat ukoll lill-istabbilimenti tal-ikel take away biex jikkollaboraw mal-Kunsill Lokali rispettivi biex tinżamm l-indafa pubblika billi anki jkollhom bins fejn wieħed ikun jista’ jiddisponi mil-boroz u kaxxi tal-ikel minflok dawn jintremew mal-art.

"Nemmnu li s-settur kummerċjali għandu jagħti aktar sapport lill-Kunsill Lokali rispettivi minn fejn ikun qiegħed jopera. Tfakkar ukoll li dawn ghandu jkollhom il-kuntrattur taghhom sabiex jigbor l-iskart li jiggeneraw huma u l-klijenti taghhom u titlob li jkun hemm infurzar dwar dan mill-Awtoritajiet kompetenti."

 

More in Politika