Il-Knisja f'Malta: Minn surplus għal defiċit f'temp ta' sena
Ir-riżultati finanzjarji għall-2018 juru li l-iżbilanċ irreġistrat kien riżultat ta’ żieda ta’ €3.41 miljuni fl-infiq dovut l-aktar għal numru akbar ta’ impjegati full-time
minn Albert Gauci Cunningham
Fl-2018 l-Arċidjoċesi ta’ Malta, li tiġbor fiha aktar minn 100 entità u timpjega aktar minn 1,200 persuna, irreġistrat żbilanċ ta’ €137,000. Fis-sena ta’ qabel, l-Arċidjoċesi kienet irreġistrat surplus ta’ €370,000.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar Ġesù Nazzarenu, iż-Żejtun, fejn qed isiru x-xogħlijiet biex ix-xelter immexxi mill-Knisja għall-vittmi ta’ vjolenza domestika jiġi trasferit minn Dar Qalb ta’ Ġesù fil-Ħamrun għal ġo din id-dar. Dan minħabba li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibdew ix-xogħlijiet strutturali biex il-proprjetà tal-Ħamrun, b’valur ta’ €8 miljuni, tinbidel f’kumpless għall-kura paljattiva mmexxi mill-Hospice Malta.
Ir-riżultati finanzjarji għall-2018 juru li l-iżbilanċ irreġistrat kien riżultat ta’ żieda ta’ €3.41 miljuni fl-infiq dovut l-aktar għal numru akbar ta’ impjegati full-time, ewlenin fosthom fid-djar tal-persuni b’diżabbiltà, fl-iskejjel tas-Sacred Heart u tas-Seminarju, u fil-Kurja tal-Arċisqof.
Parti mill-ispejjeż huma marbuta ma’ proġetti kapitali li jinkludu konservazzjoni u restawr tal-patrimonju ekkleżjastiku fejn intefqu qrib l-€4 miljuni. Ġew irreġistrati wkoll donazzjonijiet ta’ karità ta’ €562,000 lill-persuni fil-bżonn, l-aktar mill-parroċċi. Il-ħlas annwali tat-taxxa mill-Arċidjoċesi ammonta għal €1.38 miljun, żieda ta’ €267,000 fuq is-sena ta’ qabel. Id-dħul għas-sena 2018 żdied b’€2.2 miljuni. Għat-tieni sena konsekuttiva l-ġbir fil-parroċċi u d-donazzjonijiet li ngħataw lill-Knisja żdiedu marġinalment.
Il-kontribuzzjonijiet mill-Gvern, fosthom biex ikopru l-pagi tal-għalliema fl-iskejjel tas-Sacred Heart u tas-Seminarju, u għal diversi servizzi offruti mill-Knisja permezz tal-Caritas u d-djar tat-tfal, żdiedu b’€1.8 miljun. Il-Kurja tal-Arċisqof irreġistrat żbilanċ ta’ €1.38 miljun wara d-distribuzzjoni ta’ sussidji ta’ kważi miljun ewro lill-entitajiet tal-Knisja. Is-sussidji mogħtija mill-Kurja żdiedu b’aktar mid-doppju għad-djar tal-anzjani tal-Knisja fejn jgħixu 353 persuna, għal total ta’ €436,000. Dan kien dovut għal żieda fl-ispejjeż tal-operat u investiment kapitali f’dawn id-djar. I
ngħataw ukoll sussidji lid-djar tat-tfal tal-Knisja mmexxija minn Fondazzjoni Sebħ li joffru akkomodazzjoni u kura terapewtika lil 60 tifel u tifla u 15-il adult li jinkludu vittmi ta’ vjolenza domestika. Għall-ewwel darba ngħata sussidju lill-Moviment ta’ Kana. Min-naħa l-oħra naqas is-sussidju għas-servizzi tal-midja tal-Knisja u għall-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi. L-ispejjeż operattivi tal-Kurja naqsu bi 11%, għalkemm żdiedu d-donazzjonijiet lill-persuni fil-bżonn inkluż mill-Archbishop’s Charity Fund. Id-dħul tal-Kurja naqas b’€1.46 miljun minkejja li żdied bi ftit id-dħul mill-investimenti bis-saħħa ta’ dividend ogħla mill-APS Bank, li kellu impatt fuq it-taxxa.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross ħabbar li ġie ffirmat ftehim ġdid mal-Gvern li se jgħin biex jiffinanzja l-ispejjeż tal-operat tad-djar tal-anzjani, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2019. Se jsir ukoll investiment qawwi f’Dar Sant’Anna fl-Isla. Bħalissa wkoll għaddej ix-xogħol fuq numru ta’ proġetti li huma parzjalment iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Pace Ross tkellem dwar diversi inizjattivi favur l-ambjent li qed jittieħdu fl-Arċidjoċesi, fosthom l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi u l-introduzzjoni ta’ waste management policy fl-uffiċċji ċentrali. F’isem l-Arċisqof Charles J. Scicluna, is-Sur Pace Ross irringrazzja wkoll lill-għadd ta’ ħaddiema u voluntiera li jagħtu sehemhom b’mod attiv fil-ħidma tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u lil dawk li jikkontribwixxu biex il-Knisja twettaq il-missjoni tagħha fis-soċjetà Maltija.