Sea-Eye ssalva 40 immigrant ‘il barra mil-Libja ... Il-vapur fi triqtu lejn Lampedusa

L-NGO Sea-Eye salvat 40 immigrant minn fuq dinghy 29 mil nawtiku 'l barra mill-Libja

L-NGO Sea-Eye lbieraħ salvat 40 immigrant minn fuq dinghy 29 mil nawtiku 'l barra mill-Libja.

L-immigranti ttieħdu abbord il-vapur Alan Kurdi u skont l-ewwel informazzjoni jidher li fost il-persuni salvata hemm mara tqila u tliet itfal wieħed ta' sena, ieħor ta' sentejn u tifel ieħor ta' erba' snien. Hu mifhum ukoll li hemm persuna li qed issofri minn ġrieħi kkawżati minn arma tan-nar. Dan għaliex skont il-verżjoni li ta dan l-immigrant, il-milizzji Libjana sparaw fuqu.

Il-persuni salvata ġejjin mill-Kongo, min-Niġerja, mill-Mali, mill-Ghana, mill-Kosta tal-Avorju u mill-Liberja.

Fi stqarrija l-NGO spjegat li wara din l-operazzjoni tas-salvataġġ hi għamlet kuntatt mal-awtoritajiet u portijiet tal-viċin fosthom, il-Libja, t-Tuneżija, Malta, l-Italja u l-Ġermanja. Minkejja dan, peress li Lampedusa huwa l-aktar port sigur u viċin, il-vapur Alan Kurdi se jkun qiegħed jaqbad triqtu lejn il-gżira Taljana.

More in Politika