L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal lill-Qorti illi jinsab kunfidenti illi Repubblika tirbaħ il-każ li permezz tiegħu jixtiequ illi l-ħatriet ġudizzjarji li għamel il-Gvern ikunu nullifikati sakemm jiddaħħlu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar is-saltna tad-dritt.
"Ninsab kunfidenti illi se nirbaħ dan il-każ," qal Busuttil li flimkien ma' Jason Azzopardi qed jassistu lil Repubblika.
Busuttil għamel referenza għall-azzjoni li ħadu f'April biex il-ħatriet ma jsirux u qal illi l-Gvern 'baqa' għaddej bil-ħatriet.'
Il-Maġistrat Mark Chetcuti kien iddikjara li Repubblika ma kellha ebda interess ġudizzjarju fil-materja, qabel imbagħad ppospona d-deċiżjoni.
Busuttil qabbel is-sitwazzjoni ta' Repubblika ma' dik fil-każ tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra l-Gvern tal-Polonja, li wasslet għat-tneħħija ta' 27 maġistrat. Dan il-każ kien idur mal-poter tal-President Pollakk li jestendi t-terminu ta' Maġistrat. "Il-PM Malti għamel ħafna iktar min hekk," sostna Busuttil.
L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal illi kien prematur biex il-każ imur quddiem il-Qrati Ewropej minħabba li għadu ma kienx deċiż fuq livell nazzjonali.
Il-Qorti se tiddeċiedi fuq dan il-każ f'Settembru.