Micallef jew Calleja fuq quddiem għall-Parlament
Jekk Dalli tingħata l-barka mill-Parlament Ewropew, tinħoloq tellieqa għas-siġġu tagħha. Min se jispiċċa flokha fil-Parlament?
More in Politika
Jekk Dalli tingħata l-barka mill-Parlament Ewropew, tinħoloq tellieqa għas-siġġu tagħha. Min se jispiċċa flokha fil-Parlament?
Wara ġimgħat twal ta’ rapporti, inkluż fuq din il-gazzetta, il-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar illi l-Ministru Helena Dalli se tkun qiegħda tiġi nnominata bħala l-Kummissarju Ewropew l-ġdid ta’ Malta.
Minkejja d-deċiżjoni ta’ Muscat, Dalli issa trid tgħaddi mit-test tal-Parlament Ewropew (PE) li f’seduta f’Settembru li ġej se jkun qed jiddeċiedi b’maġġoranza jekk japprovax lill-Kummissarji jew le.
Għaldaqstant, fix-xenarju tant possibbli li Dalli tingħata l-barka mill-PE, ikollhom jerġgħu jinfetħu l-pakketti ta’ voti ta’ Dalli u ssir elezzjoni każwali sabiex jimtela s-siġġu vakanti fuq it-tielet distrett.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ILLUM tat ħarsa lejn il-possibilitajiet kollha f’dan ir-rigward, b’mod speċjali dwar min huma dawk il-kandidati li l-aktar għandhom ċans li jispiċċaw fil-Parlament.
Micallef u Calleja fuq quddiem nett
L-aktar żewġ kandidati li qegħdin f’ċans tajjeb li jispiċċaw fil-Parlament huma l-eks preżentatur ta’ TVM u eks membru tal-Partit Nazzjonalista; Jean Claude Micallef u s-Sindku ta’ Wied il-Għajn; Mario Calleja. Dan għaliex dawn iż-żewġ kandidati se jibdew b’vantaġġ kbir ġaladarba jinfetħu l-voti ta’ Dalli minħabba li meta waqgħu mit-tiġrija biex jiġu eletti fuq it-tielet distrett, Dalli wirtet 266 vot mingħand Micallef u 97 mingħand Calleja.
Minkejja li Micallef jidher li għandu vantaġġ kbir fuq Calleja xejn mhu ċert hekk hemm diversi fatturi oħra li jafu jiddeterminaw it-tiġrija, fosthom li l-kandidati għandhom jiddikjaraw l-interess tagħhom għas-siġġu vakanti.
Ta’ min jinnota li sentejn ilu għall-Partit Laburista kienu kkontestaw fuq it-tielet distrett 14-il kandidat. Finalment kienu ġew eletti Chris Fearne, Carmelo Abela, Helena Dalli u Silvio Grixti. Filwaqt li Owen Bonnici, Chris Agius, Etienne Grech (by-election) u Joe Mizzi kienu ġew eletti minn distrett ieħor.
Il-kandidati li baqgħu b’xiber imnieħer kienu: Kenneth Spiteri, Sebastian Muscat, Marion Mizzi, Edric Micallef u Jean Claude Micallef.
Fattur ieħor li jaf jiddetermina l-eżitu tal-elezzjoni każwali hu l-kunċett ta’ donkey votes, jiġifieri meta persuna tivvota kronoloġikament, minn fuq sa isfel. Hawnhekk, jista’ jagħti l-każ li Calleja jgawdi aktar minn dawn it-tip ta’ voti hekk kif huwa jinsab qabel Micallef fuq il-lista.
Hu mifhum ukoll li l-kwota finali sabiex jiġi elett xi wieħed minn dawn il-kandidati mistennija tkun ta’ 1,947 vot. Hekk kif din tiġi kkalkulata fuq nofs il-kwota oriġinali.