Fi stqarrija il-UĦM Voice of the Workers qalet li l-illum talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex isejjaħ laqgħa urġenti bl-iskop li ssir diskussjoni serja dwar ’ kif iż-żieda fil- prezzijiet ta’ numru ta’ kommoditajiet, fosthom il-fuels, qed taffettwa lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-UĦM kitbet formalment lil John Bencini, Chairman tal-MCESD, u saħqet sabiex il-MCESD, għal-laqgħa b’urġenza, ikun provdut b’tagħrif adegwat dwar kif qed jiġu kkalkulati dawn iż-żidiet.
Intant il-UĦM Voice of the Workers ħeġġet lill-Gvern sabiex, bl-aktar mod immedjat, jikkumpensa lill-ħaddiema, lill-familji tagħhom u lill-pensjonanti permezz ta’ mekkaniżmu li jkun miftiehem mal-imsieħba soċjali.
"Din il-union kienet diġa’ ġiet injorata mill-Gvern wara li kienet ippreżentat proposta sabiex il-ħaddiema, il-familji tagħhom u l-pensjonanti jkunu kkumpensati għall-għoli fil-prezz tal-ħobż. Il-UĦM Voice of the Workers qed tittama li l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha għax jekk dan iseħħ ikun ifisser li l-ħaddiema u l-pensjonanti jispiċċaw jieħdu l-kumpens fil- Budget għall-2021," qalet l-istqarrija.