Fi stqarrija, l-organizzazzjoni xellugija Żminijietna esprimit sodisfazzjon għall-politika tal-Gvern fil-ġlieda kontra l-faqar u qalet li l-istatistika Nazzjonali dwar il-faqar tikkonferma li l-politika tal-Gvern fil-qasam ekonomiku u soċjali "qed twassal għar-riżultati tajbin biex finalment jiġi miġġieled il-faqar, kemm għal dak li hu dħul kapitali u d-diversi miżuri soċjali."
Iżda Żminijietna ma waqfitx hemm u rrimarkat li fl-istess ħinix-xogħol prekarju qed jinfirex b’mod allarmanti filwaqt li l-prezzijiet tal-kiri għadhom mhux affordabbli."
“Għalhekk, qed nitolbu l-Gvern biex iżid b’mod statutorju l-paga minima nazzjonali sabiex jonqos in-numru ta’ ħaddiema f’riskju ta’ faqar. Il-Gvern għandu wkoll jilleġisla sabiex jindirizza x-xogħol prekarju li qed iwassal għall-insigurtà fl-impjieg u pagi li jibqgħu relattivament baxxi”.
Ilbieraħ skont ir-rapport SILC irriżulta li fl-2018 f'Malta kien hawn ftit iktar minn 78,000 persuna li qed jgħixu fir-riskju tal-faqar
"Għal dak li hu suq tal-kera, il-Gvern għandu jassigura li riforma fis-suq tal-kera twassal għal stabbilità u affordabilità. Jekk ma jsirx dan, in-numru ta' nies f'riskju li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom ser jkompli jiżdied. Kuntrarjament, il-priorità tal-Gvern li jiżviluppa proġetti ta' 'akkomodazzjoni soċjali' hija pass fid-direzzjoni t-tajba".
Żminijietna temmet tgħid li fil-qasam tal-pensjonijiet, il-politika tal-Gvern li jżid il-pensjoni minima nazzjonali qed twassal biex aktar pensjonanti jgħixu stil ta’ ħajja diċenti. "Nħeġġu l-Gvern biex ir-riforma fil-qasam tal-pensjonijiet tkompli tkun imsejsa fuq tisħiħ tal-istat soċjali”.