Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Cardona, ħabbar li MGC Pharmaceuticals, kumpanija ewlenija fl-industrija tal-kannabis medika, se tibda topera f’Malta. Il-kumpanija li għandha fabbriki madwar id-dinja kollha, fosthom fl-Awstralja u l-Islovenja, se tinvesti €11 miljun biex tibni faċilità state-of-the-art fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far. F’din il-faċilità, il-kumpanija se timmanifattura prodotti bbażati fuq il-kannabis medika filwaqt li l-fabbrika f’Malta se tkun kruċjali għal operat tal-kumpanija hekk kif din se tkun iċ-ċentru ewlieni biex il-prodotti tal-kumpanija jilħqu s-suq Ewropew u swieq oħra.
MGC Pharmaceuticals se jkunu qed iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fil-qasam tal-kannabis medika, bijokimika, kimika, agronomija u riċerka klinika. “Illum, Malta għandha reputazzjoni globali bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-industrija farmaċewtika. Madanakollu, l-investituri qed isiru dejjem aktar ottimisti dwar l-opportunitajiet li joffri pajjiżna f’setturi ġodda bħall-industrija tal-kannabis medika,” saħaq il-Ministru Cardona.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru qal li minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċi u ta’ riċerka aktar minn sena ilu, l-industrija kibret b’mod sinifikanti u b’suċċess.
“Peress li konna l-ewwel stat membru tal-UE li pprovda qafas regolatorju, stajna niġbdu l-aqwa investiment lejn pajjiżna u dan is-settur diġà qed jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta”. Malta diġà tospita uħud mill-ikbar kumpaniji fid-dinja u MGC Pharmaceuticals hija eżempju ieħor ta’ kumpanija globali li għażlet lil Malta bħala l-post biex tespandi l-operat tagħha fl-Ewropa. Dan l-investiment se joħloq 27 impjieg ġdid ta’ kwalità sat-tielet sena ta’ operazzjoni.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem ukoll Nativ Segev, Fundatur, Direttur u Kap tal-Istrateġija tan-Negozju tal-MGC Pharmaceuticals. Is-Sur Segev qal li “l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt jirrappreżenta l-qofol tal-ambizzjoni tagħna li niċċentraw l-operazzjonijiet tagħna f’Malta u nkunu parti mill-viżjoni ta’ din il-gżira biex issir fost l-aqwa pajjiżi fl-Ewropa għat-tkabbir u għall-iżvilupp ta’ din l-industrija.”