'Is-saħħa tal-flus naqset ... Hemm min qed iħallas bit-tpartit' - PN

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li nies self employed u sidien ta' negozji żgħar għaddejin minn żmien diffiċli

“Beda jidher biċ-ċar li s-saħħa tal-flus qegħda tonqos, dan is-sentriment qegħdin iħossu n-nies fin-negozju li qegħdin jaraw ukoll kif  pagamenti  qegħdin jaqgħu lura u hemm min beda jħallas bit-tpartit.”

Hekk qal il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Edwin Vassallo fi stqarrija li fiha insista li bosta self employed u sidien ta' negozji żgħar qed jilmentaw li meta jsiru il-kontijiet, wara li jinqatgħu l-ispejjeż, il-qliegħ li jibqgħalhom ma jikkumparax tajjeb max-xogħol kollu li jkun sar.

“Dan filwaqt li self employed u sidien ta' negozji li huma bennejja qegħdin jilmentaw min-nuqqas ta' xogħol li soffrew minnu dawn l-aħħar ġimgħat, li kien ifisser żmien bla dħul ta' xejn,” tkompli l-istqarrija.

Vassallo insista li diversi self employed u sidien ta' negozji żgħar f'setturi oħra qegħdin jilmentaw miż-żieda tal-ispejjeż, fosthom biż-żieda fil-prezz tal-petrol u tad-diesel.

“Il-bejgħ tal-propjetà  għaddej minn żmien  fejn jinħass tnaqqis u din r-realtà ħolqot ukoll problemi għal min kellu  bżonn ibiegħ sabiex iserraħ moħħu mid-dħul li jkollu bżonn biex jagħmel tajjeb għall-pagamenti oħra dovuti. Self employed fis-settur tar-retail u dawk relatati  mat-turiżmu qegħdin jaraw il-bejgħ jonqos mis-saħħa tiegħu,” tisħaq l-istqarrija.

Vassallo temm jgħid li filwaq li l-Gvern ma jimpurtahx, il-PN jinsab qrib tas-self employed u qed jisma' l-esperjenzi u jifhem il-ħtiġijiet ta' dawk kollha li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji.

More in Politika