Il-Partit tal-Lega li bħalissa qed imexxi l-Gvern Taljan qal illum illi l-unika alternattiva li għad fadal għall-Gvern Taljan preżenti hija li ssir elezzjoni ġenerali. L-istess partit llejla qal illi mhux se jkun hemm reshuffle ieħor tal-kabinett hekk kif id-differenzi mas-sieħeb f'koalizzjoni, iċ-Cinque Stelle, issa kibru sew.
Il-Lega, mmexxi minn Matteo Salvini, jgħid li huwa "ta' xejn li nkomplu għaddejjin bl-argumenti kuljum," u qal illi l-viżjoni tiegħu hija differenti miċ-Cinque Stelle f'oqsma kruċjali, bħal ma huma l-infrastruttura, it-taxxi, il-ġustizzja u r-relazzjoni tal-Italja mal-Unjoni Ewropea.
"Kull ġurnata li tgħaddi hija moħlija...l-unika alternattiva hija li nagħtu l-għażla lit-Taljani," qal il-partit fil-gvern.
Il-gvern ilu jidher li se jikkollassa mill-bieraħ wara li s-Senat Taljan m'aċċettax mozzjoni mill-partit Cinque Stelle, mmexxi minn Luigi Di Maio, biex jitwaqqaf proġett ta' ferrovija ma' Franza. Dan il-vot ifisser li l-proġett issa se jkun jista' jibda.
Intant il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ltaqa' mal-President Taljan Sergio Mattarella biex tkun diskussa s-sitwazzjoni politika fl-Italja.