Trid lill-Gvern jagħti konċessjoni biex jinbena krematorju wieħed biss

Fi żmien qasir kollox ikun f'post għall-ewwel krematorju f'Malta

Id-Deputata Rosianne Cutajar saħqet mal-gazzetta ILLUM li tippreferi jekk il-Gvern imur għall-mudell tal-konċessjoni biex f’Malta jkun hawn krematorju wieħed biss. 

Cutajar, li kienet hi li ressqet il-Private Members Bill biex f’Mejju li għadda l-kremazzjoni saret legali, saħqet li ma jkunx jagħmel sens li f’Malta jkun hawn aktar minn krematorju wieħed.

“Ma nixtieqx li nħallu s-suq miftuħ u jkollok xi tliet operaturi jiddeċiedu li jibnu krematorju,” saħqet id-Deputata.

Fi kliemha, kemm mill-aspett ambjentali u anke minħabba l-vijabilità, ma jagħmilx sens li f’Malta jkun hawn aktar minn krematorju wieħed.

“Nispiċċaw flok nipproteġu l-ambjent nieħdu aktar art ODZ biex nibnu l-krematorji,” insistiet Cutajar. “Nixtieq li mmorru għall-mudell ta’ konċessjoni. Biex ikollna krematorju wieħed.”

Iżda dan ma jistax iwassal għall-monopopju u prezzijiet m’ogħla s-smewwiet? Cutajar wieġbet li jekk il-Gvern imur għall-mudell tal-konċessjoni jkun jista’ jikkontrolla l-prezzijiet permezz ta’ avviżi legali.

F’intervista mad-Deputata fi Frar li għadda, l-ILLUM kienet misset ukoll ma’ dan il-punt, b’Cutajar tisħaq li ma jkunx fl-interess tal-operatur li jgħolli l-prezzijiet.

Fil-kummenti mal-ILLUM, Cutajar saħqet ukoll kif bħalissa konsulenti barranin qed jaħdmu fuq il-liċenzjar u l-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzja fost aspetti oħra li huma importanti biex  l-Att ikun jista’ jidħol fis-seħħ.

Fi kliemha, fil-ġimgħat li ġejjin, ikun hemm kollox f’postu biex Malta jkun jista’ jkollha l-ewwel krematorju.

Krematorju fejn jista’ jinbena u kemm tiswa kremazzjoni?

Anke jekk ma kienx għad hawn qafas legali, is-Cemeteries Policy and Design Guidance, approvata fl-2015, diġà kienet tipprovdi d-dispożizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-kremazzjoni u tistipola li l-krematorji għandhom jinbnew biss f’ċimiterji eżistenti li jintużaw jew inkella f’ċimiterji eżistenti li ma jintużawx.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma’ Johann Camilleri minn Camilleri Funeral Directors International, liema kumpanija, lura fl-2017, kienet waħda mill-kumpaniji li ssottomettiet applikazzjoni għall-bini ta’ krematorju fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Fl-applikazzjoni tagħhom, Camilleri Funeral Directors International, ipproponew li jibnu krematorju ta’ 450 metru kwadru fuq biċċa art ta’ 8,000 metru kwadru li tinsab eżatt biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Camilleri qed jipproponi li l-bqija tal-art tkun maqsuma f’diversi żoni biex tinkludi, fost oħrajn, ġonna fejn tkun tista’ ssir dik magħrufa bħala ‘tree cremation, u żoni li jkunu jinkludu niċeċ fil-ħajt fejn jindifnu l-urni bl-irmied.

L-ILLUM kienet staqsiet ukoll kemm, bejn wieħed u ieħor, tista’ tiġi tiswa l-kremazzjoni. 

Skont l-istess Camilleri, servizz ta’ kremazzjoni jista’ jiġi jiswa bejn €550 u €750 u dan jekk wieħed jeskludi t-taxxi u servizzi oħra anċillari u l-ispejjeż marbuta mal-funeral.

Skont il-liġi, urna bil-fdalijiet fejn tista’ tinżamm?

  • F’residenza privata
  • Midfuna f’qabar
  • Midfuna fil-baħar (mhux postijiet għall-għawm jew portijet)
  • F’niċċa apposta f’żona fejn jinżammu l-urni

Apparat li jintuża għall-biokremazzjoni
Apparat li jintuża għall-biokremazzjoni

Fdalijiet jistgħu wkoll jiġu mferrxa:

  • Fil-baħar (mhux postijiet għall-għawm jew portijet)
  • F’residenza privata
  • Minn ajruplan
  • Fi spazju miftuħ speċifikat għat-tixrid tal-irmied

 

Krematorju x’għandu jinkludi?

  • Kamra mortwarja
  • Faċilitajiet fejn titneħħa kull materja barranija qabel il-kremazzjoni
  • Kamra tal-kremazzjoni
  • Spazju fejn jinżammu l-fdalijiet tal-kremazzjoni

 

Krematorji jistgħu jinbnew f'ċimiterji eżistenti li jintużaw jew f'ċimiterji eżistenti li ma għadhomx jintużaw
Krematorji jistgħu jinbnew f'ċimiterji eżistenti li jintużaw jew f'ċimiterji eżistenti li ma għadhomx jintużaw

Reġistru Nazzjonali tal-Kremazzjoni

  • Għandu jinżamm mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika
  • Jinkludi dettalji ta’ persuni li jgħixu Malta u li jixtiequ l-kremazzjoni
  • Ix-xewqat tagħhom dwar iż-żamma jew it-tifrix tal-fdalijiet
  • Dettalji tal-persuni li jiddikjaraw ċar u tond li ma jridux il-kremazzjoni

 

X’tip ta’ kremazzjoni hija permessa f’Malta?

Kontra dak li jaħsbu ħafna, illum il-kremazzjoni ftit li xejn għadha ssir billi tesponi l-ġisem għall-fjammi.

Għalkemm il-liġi mhix tistabbilixxi x’tip ta’ kremazzjoni hija permessa, hu mifhum li l-Gvern se jkun qed jimbotta l-biokremazzjoni, jew metodi oħra bl-inqas impatt ambjentali.

Il-biokremazzjoni (water cremation jew alkilina hydrolysis) hija sistema li tuża l-ilma u l-idrossidu tal-potassju, liema proċess iħalli biss l-għadam tal-persuna.​​​

 

More in Politika