Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, ħabbar li llum Infrastructure Malta se tkun qed tneħħi l-fdalijiet tas-siġar mejtin mit-Telgħa tas-Saqqajja biex minflokhom tħawwel siġar taż-żnuber ġodda.
Borg saħaq li għal ħafna snin, kull meta f’din it-triq mietet jew tqaċċtet xi siġra, ħadd ma ħa ħsieb jibdilha ma’ oħra ġdida.
“Il-Partit Nazzjonalista pprova jinganna u jbeżża’ bil-gidba li se nneħħu s-siġar tat-Telgħa tas-Saqqajja. Qatt ma kellna dan il-ħsieb,” saħaq il-Ministru.
Il-Ministru insista li sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, fit-Telgħa tas-Saqqajja se jkun hemm 61 siġra aktar milli hemm illum.
“Nibqgħu naħdmu biex inħallu lil uliedna pajjiż aħjar milli sibnih aħna,” insista l-Ministru.
Meta ġie approvat il-proġett Central Link, qamet kontroversja sħiħa dwar is-siġar, fosthom dawk tat-Telgħa tas-Saqqajja, tant li diversi persuni marru jipprotestaw u saħanistra ntrabtu ma’ dawn is-siġar.
Madanakollu, il-Ministru Borg wiegħed li l-ebda siġra minn dawn mhi se tkun qed titqaċċat.