L-Oppożizzjoni faħħret il-pass li ħa aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern bil-għan li tissaħħaħ l-aċċessibiltà fiżika għall-persuni b'diżabilità.
Fi stqarrija, il-Kelliema Maria Deguara saħqet li l-Avviż Legali li ġie introdott ser jagħti aktar piż lir-regolamenti dwar l-aċċessibilità li kienu daħlu fis-seħħ taħt Gvern Nazzjonalista.
“Fuq il-qasam tal-aċċessibilità u d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità b'mod ġenerali, l-Oppożizzjoni lesta bħal dejjem li tappoġġja kull inizjattiva tajba sew jekk meħuda mill-Gvern u sew jekk mis-soċjetà ċivili,” saħqet Deguara.
Mill-banda l-oħra, l-Oppożizzjoni tinnota li mill-kummenti ta’ Oliver Scicluna, il-President tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, jirriżulta li s-sitwazzjoni f'Malta fejn tidħol aċċessibilità fiżika għadha 'l bogħod milli tkun kif mixtieq.
“F'dan ir-rigward, l-Oppożizzjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Gvern biex jimbarka fuq aktar inizjattivi u skemi ta' għajnuna li jħajru lis-sidien jinvestu u jwettqu x-xogħlijiet neċessarji ħalli jikkonvertu l-propjetà tagħhom f'waħda aċċessibli,” saħqet Deguara.
Mal-ILLUM, fl-aħħar ġimgħat, Scicluna wkoll saħaq li l-aċċessibilità tonqos qiegħda mhux tiżdied speċjalment bis-siti ta’ kostruzzjoni.