Il-Korp tal-Pulizija kkonferma dak li rrapportat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-aċċess għall-iscrapyard tal-Pulizija f’Pembroke huwa wieħed pubbliku minħabba l-fatt li joffri l-uniku aċċess għaċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel.
L-ILLUM ippubblikat ritratti ta’ dak li wieħed isib fl-iscrapyard tal-Pulizija f’Pembroke wara li rnexxielha tidħol qisu xejn mhu xejn u mingħajr ħadd ma waqqafha.
L-istess gazzetta rrapportat dwar il-periklu u n-nuqqas ta’ sigurtà f’dIn l-iscapyard li fiha jkun hemm vetturi soġġetti għall-investigazzjonijiet u inkjesti anke jekk f’każi żgħar, bis-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, ukoll jappella biex tittieħed azzjoni
Iżda jidher li s-sitwazzjoni se tkun qed titranġa. Fid-Dritt ta’ Risposta, il-Korp tal-Pulizija insista li għaddejjin diskussjonijiet mal-awtoritajiet biex tinstab alternattiva għall-aċċess taċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel (parti mill-kulleġġ Santa Klara), li joffri għadd ta’ servizzi u edukazzjoni lil studenti b’diżabilità.
Meta dan iseħħ, il-Pulizija saħqet li tkun f’pożizzjoni li timplimenta miżuri ta’ aċċess sikur għall-imsemmi lok.
Sakemm l-aċċess ma jinbidilx, l-iscrapyard tal-Pulizija ma tistax tkun magħluqa, insistiet il-Pulizija.
L-ILLUM għaliex marret f’din l-iscrapyard?
Il-gazzetta ILLUM marret f’din l-iscrapyard wara rapporti li n-nirien li ħakmu żoni f’Pembroke fl-ewwel ġimgħa ta’ dan ix-xahar, bdew propju minn dan il-lok.
L-ILLUM ftit li xejn sabet sinjali ta’ ħruq ħlief f’żona mimlija ħaxix u siġar fuq in-naħa ta’ wara, viċin iċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel li fis-6 ta’ Awwissu kellu jiġi evakwat.
Jekk ħruq ftit li xejn kien hemm, l-ILLUM innutat il-periklu li hemm f’dan l-iscrapyard li huwa l-uniku aċċess għal din l-iskola.
Biċċiet tal-ħadid, karozzi msadda, bini żdingat u ħġieġ imkisser huma ftit mill-affarijiet mixħuta bl-addoċċ.
Minkejja dan, kif spjegat aktar qabel, l-aċċess huwa wieħed pubbliku, bl-ILLUM jirnexxielha tidħol u ddur l-iscrapyard mingħajr ħadd ma waqqafha.
Fil-fatt, ma kien hemm l-ebda preżenza tal-Pulizija.
X’kien qal is-Sindku?
Is-Sindku Dean Hili wkoll kien wera t-tħassib tiegħu dwar l-iscrapyard waqt li saħaq li ma jħossx li hu xieraq li “ċimiterju tal-karozzi” jispiċċa l-uniku aċċess għal skola.
Hili saħaq li “suppost dan ikun magħluq u miegħu jkun hemm l-għassa.”
Insista li xi drabi anke klieb ikun hemm jiġru mingħajr ċinga fih u dwar dan il-Kunsill Lokali kemm-il darba rrapporta.
It-tweġiba mibgħuta mill-Korp tal-Pulizija lill-gazzetta ILLUM
B’referenza għall-artiklu tal-gazzetta li deher f’paġni 8 u 9, kif ukoll fuq is-sit, il-Korp tal-Pulizija jixtieq jikkjarifika li l-aċċess għall-imsemmi lok huwa tabilħaqq wieħed pubbliku, peress li din it-triq pubblika tagħti aċċess għall-iskola li tinsab fl-akwati u għaldaqstant ma tistax tkun magħluqa.
Il-Korp tal-Pulizija bħalissa jinsab għaddej f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet sabiex tinstab alternattiva għall-aċċess tal-iskola u b’hekk il-Korp ikun jista’ jimplimenta miżuri ta’ aċċess sikur għall-imsemmi lok.