Wara laqgħat twal jidher li ġew iffriżati t-taħdidiet bejn il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle biex jiġi ffurmat Gvern ġdid Taljan u tkun evitata elezzjoni ġenerali bikrija.
Dan minkejja li llum stess jiskadi l-ultimatum mogħti mill-President Sergio Mattarella biex ikun iffurmat Gvern ġdid.
Jidher li l-Partit Demokratiku baqa' ma qabilx mal-proposta tal-Movimento Cinque Stelle li qed jipproponu li għandu jerġa' jkun Giuseppe Conte li jmexxi dan il-Gvern.
Il-Movimento Cinque Stelle kien skjett fid-dikjarazzjoni tiegħu. It-taħdidiet waqfu sakemm il-Partit Demokratiku jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar Giuseppe Conte.
Apparti minn hekk, skont midja Taljana, hemm ukoll differenzi fuq il-baġit u t-triq ‘il quddiem għat-tkabbir tal-ekonomija Taljana li ħadet daqqa ta’ ħarta ‘l isfel fl-aħħar xhur.
Ikun xi jkun ir-riżultat, il-President Mattarrella se jkun qed jerġa' jibda sensiela ta' laqgħat mal-mexxejja politiċi, b’deċiżjoni x’aktarx li tkun ikkommunikata aktar tard matul il-ġurnata.