Il-Gvern Ingliż talab lir-Reġina Eliżabetta biex tissospendi l-Parlament, ftit ġimgħat biss qabel ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru li ġej. Ir-Reġina approvat din it-talba.
Boris Johnson ikkonferma li dan se jkun ifisser ftuħ mill-ġdid tal-Parlament u d-Diskors tar-Reġina fl-14 ta' Ottubru.
Għalkemm isir mir-Reġina, dan id-Diskors ikun miktub mill-Gvern stess u fih jispjega l-pjan tal-ħidma tiegħu.
Madanakollu, skont diversi kritiċi, dan se jkun ifisser ukoll li l-Parlament mhux se jkollu żmien biex jgħaddi jew jivvota dwar kwalunkwe liġi li twaqqaf lill-Prim Ministru milli joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.
Tal-istess fehma kien l-Ispeaker John Bercow li kiser is-silenzju u ddeskriva dan il-pass bħala offiża kontra d-demokrazija u d-dritt tal-Parlamentari bħala rrapreżentanti eletti tal-poplu.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn qal li s-sospensjoni tal-Parlament mhijiex aċettabbli.
Fi kliemu, dak li għamel il-Prim Ministru huwa ta' theddida għad-demokrazija u mossa biex joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. mingħajr ftehim.