Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola kiteb ittra miftuħa lill-President ta’ Malta biex iħeġġu jwaqqaf lill-Gvern milli jkompli jikser il-Kostituzzjoni.
Fl-ittra, li ppubblikata fuq il-mezzi tiegħu tal-midja soċjali, Cassola saħaq li bl-azzjonijiet tiegħu, partikolarment il-bini tat-toroq u l-ħruġ tal-permessi għall-bini, il-Gvern qed jikser kontinwament il-Kostituzzjoni.
Waqt li kkwota minn żewġ artikli tal-Kostituzzjoni Cassola saħaq li l-Gvern mhux qed jipproteġi l-pajsaġġ tal-pajjiż, lanqas qed jikkonserva l-ambjent u r-riżorsi tal-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fi kliem Cassola, kuljum, il-Gvern, qed jippermetti l-qerda tal-ambjent.
Kien għalhekk li appella lill-President “bħala l-gwardjan tal-Kostituzzjoni,” biex jieħu azzjoni immedjata u jwaqqaf il-Gvern mill-azzjonijiet tiegħu.