'Il-Gvern għandu minnufih jippubblika l-istudji relatati mal-mina'- PN

Il-PN jgħid illi se joħorġu t-tenders għall-proġett ta' mina bejn Malta u Għawdex meta l-Gvern għadu lanqas biss ippubblika studju wieħed dwar dan il-proġett

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) sostna illi l-Gvern għandu minnufih jippubblika l-istudji rilevanti mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex "u jieqaf jieħu deċiżjonijiet mingħajr studji u mingħajr pjan fit-tul."

Il-PN innota li l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f'Malta talbet sabiex ikunu ppubblikati l-istudji kollha relatati mal-proġett tal-mina. "Dan hu dak li ilha tinsisti dwaru wkoll l-Oppożizzjoni fl-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin, tas-sostenibbiltà ambjentali u tal-governanza tajba."

L-istqarrija tfakkar li l-Oppożizzjoni kienet resqet emendi għall-mozzjoni tal-Gvern fuq dan il-proġett.

Dawn l-emendi qed jesiġu li l-Gvern jippubblika l-istudji kollha li diġà tlestew, ikompli għaddej bl-istudji neċessarji u minnufih jippubblika l- istess studji ġaladarba jitlestew."  Il-PN qed jinsisiti wkoll li għandhom isiru l-istudji kollha meħtieġa bħall-Environmental Impact Assessment u l-Istrategic Environment Assessment kif ukoll studju dwar possibbiltà ta' użu tat-trasport tal-massa.

"Madanakollu, dan jistona ma' dak irrappurtat fil-midja fejn intqal li aktar tard din is-sena se joħorġu l-ewwel tenders meta l-ebda studju għadu ma ġie ppublikat. Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu u jkaxkar saqajh u minflok jisma' t-talba u t-tħassib ta' bosta għaqdiet inkluż tal-GTA."

Finalment il-PN irrijaferma li huwa favur miżuri li jtejjbu l-konnettività bejn Malta u Għawdex u jisħaq biex il-Gvern idaħħal minnufih servizz ta' fast ferry u jreġġa' lura d-deċiżjoni ħażina tiegħu li jwaqqaf ħesrem is-servizz għall-merkanzija.

More in Politika