Il-Gvern Malti se jkun qed jipproponi li jiddikriminalizza l-prostituzzjoni u jwettaq numru ta' miżuri biex, skontha, l-istess vittmi tal-prostituzzjoni jkunu mgħejjuna. Fost il-proposti hemm dik illi permezz tagħha persuna b'rekord kriminali marbut mal-prostituzzjoni jistgħu jnaddfu l-kondotta tagħhom u "jibdew ħajja ġdida."
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli enfasizzat illi l-Gvern qed iressaq dawn il-bidliet għall-protezzjoni tan-nies vulnerabbli f'moħħu.
"Il-bidla fil-mentalità hija rivoluzzjonarja u progressiva. Aħna qed ngħidu li s-sistema illi persuni vulnerabbli jkunu kriminalizzati trid tieqaf. Uħud setgħu, ma kellhom ebda għażla ħlief li jsiru prostituti," qalet Farrugia.
Din il-konsultazzjoni miftuħa sal-aħħar t’Ottubru għandha bosta miri fosthom ukoll li jibda dibattitu dwar il-prostituzzjoni.
Hija ċċarat li dawn il-bidliet bl-ebda mod ma jfissru illi l-Gvern se jillegalizza l-briedel, imma iktar li l-istat se jkollu strutturi apposta li jgħin minflok jarresta lill-prostituti.
Farrugia qalet illi l-Gvern se jkun qed jipproponi t-twaqqif ta' programm immexxi minn professjonisti għal dawk li jkunu jridu jitilqu mill-industrija.