Aktar minn kwart tan-negozji ma jaċċettawx ħlas bil-kards

Il-President tal-GRTU jgħid mal-ILLUM li hemm diversi inċentivi li l-Gven jista' jieħu biex aktar negozji jaċċettaw karti tal-kreditu jew debitu

Aktar minn kwart tan-negozji f'Malta u Għawdex għadhom ma jaċċettawx li l-klijenti tagħhom iħallsu bil-kards u mhux bi flus kontanti.

Dan jirriżulta minn żewġ studji li saru f'April u Mejju 2019 ikkummisjonati minn Mastercard, b'kollaborazzjoni mal-GRTU u li r-riżultati tagħhom tħabbru llum waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Anke jekk 30% tan-negozji ma jaċċettawx ħlas b'kards, 53% minnhom jikkunsidraw li jibdew jaċċettaw.

Mistoqsija għalfejn ma jaċċettawx ħlas b'kards, il-maġġoranza tagħhom semmew spejjeż żejda marbuta ma' dan.

Mill-banda l-oħra, 63% tan-negozji li jaċċettaw ħlas b'kards jemmnu li dan jista' jattira aktar klijenti. 

Il-Maltin għadhom jippependu ħafna fuq il-kontanti

Waħda mill-aktar konklużjonijiet importanti ta' dan l-istħarriġ hija li l-Maltin għadhom jiddependu ħafna fuq il-kontanti meta jiġu biex iħallsu, l-aktar għall-affarijiet li jinxtraw ta' kuljum, fosthom minħabba dak digà diskuss, jiġifieri li ħafna negozji għadhom ma jaċċettawx ħlas b'kards.

Huma 57% tal-Maltin li jirrikonoxxu li d-debit cards huma konvenjenti u jużawhom għal 23% tax-xirjiet tagħhom.

Il-karta tal-kreditu tintuża l-aktar għax-xiri onlajn

Ħlas permezz ta' karti tal-kreditu jammonta għal 16% u jintużaw l-aktar (56%) għat-tranżazzjonijiet barra mill-pajjiż. 

Fil-fatt, 50% ta' dawk li ghandhom karta tal-kreditu, jużawha biex jixtru mill-Internet, minn tal-inqas darba kull ħmistax.

Minn fost dawk li wieġħbu l-istħarrig, 15% ma għandhomx karta tad-debitu u 37% ma għandhomx karta tal-kreditu.

Il-GRTU b'diskussjonijiet mal-Gvern għal inċentivi biex aktar negozji jaċċettaw il-kards

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GRTU , Paul Abela saħaq li mill-istħarrig joħroġ car li l-ħlas bil-kards huma popolari ħafna max-xiri onlajn u għalhekk li n-negozji, jekk iridu jżidu fil-bejgħ tagħhom u jikkompetu max-xiri onlajn, iridu jħarsu aktar lejn dan il-metodu ta' pagament.

Saħaq li l-GRTU qed taħdem mal-Gvern għal incentivi biex aktar negozji jikkunsidraw l-introduzzjoni tal-ħlas bl-użu tal-kards.

Mistoqsi mill-illum.com.mt x'jistgħu jkunu dawn l-inċentivi, Abela wieġeb li dawn ħjkunu varji, inkluż tnaqqis fit-taxxa li tattira aktar negozji żgħar biex jibdew jaċċettaw ħlas b'kards.

Il-vantaġġi għall-ġlieda kontra l-frodi

Min-naħa tagħha, Aspa Palimeri, Country Manager ta' Master Card għall-Greċja, Ċipru u Malta tkellmet dwar diversi vantaġġi għalfejn il-pajjiżi u l-Gvernijiet tagħhom għadhom jinċentivaw il-pagamenti bil-kards.

Fost dawn semmiet il-glieda kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus, il-għaliex b'dan it-tip ta' ħlas, kull tranżazzjoni tista' tkun ittraċċata.

More in Politika