F'Awwissu biss iktar minn 800,000 passiġġier jgħaddu mill-Ajruport Malti
Awwissu kien xahar tajjeb ħafna għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bi 8.4% żieda fil-passiġġieri li għaddew minnu
More in Politika
Awwissu kien xahar tajjeb ħafna għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bi 8.4% żieda fil-passiġġieri li għaddew minnu
Il-vaganzi tas-sajf flimkien ma’ għażla ta’ aktar minn 120 destinazzjoni wasslu għal jiem impenjattivi għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-fatt, tul ix-xahar ta’ Awwissu għaddew mill-ajruport 823,653 passiġġier. Din iċ-ċifra ssarraf fi tkabbir ta’ 8.4% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.
Iż-żieda fin-numru tal-passiġġieri ġiet irreġistrata flimkien ma’ żieda ta’ 5.8% fil-movimenti tal-ajruplani u titjib ta’ 7.6% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati lejn Malta. Barra minn hekk, is-seat load factor (SLF) ta’ Awwissu wera titjib marġinali fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet biex b’hekk laħaq it-88%. L-aqwa ħamest iswieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu r-Renju Unit (+3.1%), l-Italja (+0.4%), il-Ġermanja (+24.7%), Franza (+13.7%) u Spanja (+9.3%). Il-prestazzjoni ta’ dawn is-swieq irriżultat parzjalment mill-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li ġabet magħha diversi żviluppi ġodda, inklużi l-introduzzjoni ta’ diversi rotot ġodda u titjib fil-frekwenza ta’ għadd ta’ titjiriet.
Il-Ministru għat Turiżmu Konrad Mizzi laqa’ pożittivament din l-istatistika, partikolarment għaliex pajjiżna ra tkabbir qawwi min ċertu swieq, fosthom dak Ġermaniż, Franċiż u dak Spanjol. Sostna li issa flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkompli jsir ix-xogħol sabiex ikollna wkoll xitwa pożittiva permezz ta’ aktar konferenzi li jsiru f’pajjiżna u aktar promozzjoni sabiex l-istaġjonalità tkompli tonqos.