'Infurzar, mhux permessi bl-addoċċ' - Graffitti ftit qabel dimostrazzjoni fil-Belt Valletta

Għada se ssir dimostrazzjoni dwar l-istat li fih jinsab l-ambjent f'Malta u l-kostruzzjoni. Hawn hija waħda mir-raġunijiet li qed jagħti l-Moviment Graffitti għal din il-protesta

(Arkivji)
(Arkivji)

Għada diversi għaqdiet se jinżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-istat tal-ambjent f'pajjiżna, qtugħ ta' siġar, ħmieġ u aktar. 

Fost il-kwistjoni l-aktar li qed iddejjaq lil bosta hija l-kostruzzjoni li minkejja illi qed iddawwar ir-rota ekonomika qd toħloq ħafna inkonvenjent, ħmieġ u anke inċidenti li saħansitra raw mara titlef ħajjitha. 

"Trabijiet, perikli, ħsejjes qawwija, bankini mkissra, rimi ta’ skart illegali – din hija r-realtà li eluf ta’ persuni f’pajjiżna qed jiffaċċjaw ta’ kuljum minħabba nuqqas ta’ kontroll fuq is-settur tal-bini. Fi ftit xhur rajna binja wara l-oħra tiġġarraf u l-mewt ta’ bosta ħaddiema f’siti tal-kostruzzjoni. Ir-risposta għal dan kollu kienet kompletament inadegwata." Hekk sistna l-Moviment Graffitti.

"Ir-residenti għadhom iġorru r-responsabbiltà, il-piż psikoloġiku u dak finanzjarju (kif ukoll problemi ta' saħħa) biex jiżguraw li mhux se jispiċċaw midfuna ħajjin minħabba x-xogħol li qed isir biswit id-dar tagħhom. Din hija sitwazzjoni redikola u inaċċettabbli, l-istess bħan-nuqqas sistematiku u persisenti ta’ infurzar."

Il-Moviment Graffitti, fuq quddiem fi ġlidiet ambjentali għal diversi snin taħt gvernijiet differenti, sostna illi jrid sistema li biha l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet ikunu verament responsabbli mix-xogħol li jsir f’siti tal-kostruzzjoni sabiex jiġi żgurat li dan ma jipperikolax u ma jħarbatx il-ħajja tan-nies. "Dan jista’ jsir biss jekk l-awtoritajiet ma jagħtux iktar permessi bl-addoċċ u jillimitaw in-numru ta’ permessi li jinħarġu kull sena. Għandu wkoll isir infurzar bis-serjetà u mingħajr eċċezzjoni tal-liġijiet li jikkontrollaw il-kostruzzjoni, sabiex tingħata protezzjoni u dinjità lill-ħaddiema u lir-residenti."

Intant l-MGRM ħabbret li se tkun qed tipparteċipa f'din il-protesta flimkien ma' diversi għaqdiet oħrajn.
 

More in Politika