Fi stqarrija diversi Ministeri qalu li qed jilqgħu r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-rapport maħruġ mill-MONEYVAL. Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka tfassal wara l-valutazzjoni li saret f’Novembru tas-sena li għaddiet b’rabta mal-effettività li għandha Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu.
Il-ministri tennew l-impenn tal-gvern li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippubblikati b’mod uffiċjali mill-istess rapport maħruġ mill-MONEYVAL.
Ziedu jgħidu li flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-awtoritajiet kompetenti f’Malta, "jinsabu sodisfatti bil-progress li nkiseb fil-pjan ta’ azzjoni mill-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi miġġieled il-ħasil ta' flus u finanzjar tat-terroriżmu (NCC) mifrux fuq medda ta’ snin. Dan il-kumitat twaqqaf f’April tal-2018 biex jimplimenta strateġija nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu."
L-istqarrija tfakkar kif il-kumitat hu magħmul mill-ogħla uffiċjali tal-Ministeru għall-Finanzi, mill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Kummissarju tat-Taxxi, il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-Awtorità Maltija għal-Logħob, il-Korp tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali flimkien ma’ 20 istituzzjoni kompetenti Maltin oħra se jkunu qegħdin ifasslu pjan ta’ azzjoni mifrux fuq sena biex jimplimentaw it-tmienja u ħamsin rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL.
"Kull rakkomandazzjoni li saret mill-MONEYVAL se tiġi fdata lil istituzzjoni kompetenti li f’perjodu stabbilit trid tara li timplimenta l-pjan ta’ azzjoni propost. Kull istituzzjoni kompetenti se tkun mgħammra bir-riżorsi meħtieġa inklużi appoġġ u pariri mill-esperti u fejn jeħtieġ se jkun hemm project leader."
Intant, l-istqarrija tfakkar illi l-Istitut għall-Governanza f’Bażel ikklassifikaw lil Malta bħala ġuriżdizzjoni b’riskju baxx għall-ħasil tal-flus u għall-iffinanzjar tat-terroriżmu. Dan jiċċertifika li l-kwistjonijiet f’Malta jistgħu jiġu indirizzati b’tali mod li jkunu ta’ suċċess; speċjalment bir-riformi li qegħdin isiru sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet regolatorji u ta’ infurzar tal-liġi.
"L-awtoritajiet Maltin ser ikomplu jaqsmu l-informazzjoni u fl-istess waqt jikkollaboraw ma’ pajjiżi oħra sabiex tiġi indirizzata din l-isfida globali. B’dawn is-suġġerimenti kif ukoll tibdiliet oħra fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet Maltin ser ikunu qed jissaħħu u fl-istess waqt ikunu f’qagħda aħjar sabiex jikkombattu attivitajiet relatati mal-ħasil tal-flus u mal-iffinanzjar tat-terroriżmu."
Il-Ministeri jtemmu jgħidu li Malta hija kommessa li tgħin fil-ġlieda globali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u tilqa’ kwalunkwe rikonoxximent li sar sa issa b’rabta mal-ħidma li qed titwettaq.