Il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa se jiddiskuti l-5G
Silvio Schembri jgħid li hekk dawk kollha involuti se jkunu jistgħu jressqu l-ħsibijiet tagħhom quddiem dan il-Kumitat
More in Politika
Silvio Schembri jgħid li hekk dawk kollha involuti se jkunu jistgħu jressqu l-ħsibijiet tagħhom quddiem dan il-Kumitat
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li l-ġimgħa li għaddiet talab formalment lill-Ispeaker tal-Parlament biex il-5G tkun diskussa fil-Kumitat tas-Saħħa.
Schembri qal dawn li kien qiegħed jipparteċipa fl- waqt ITU-Telecom World 2019, organizzata mill-Missjoni Permanenti tal-Ungerija għan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Unjoni Internazzjonali għat-Telekommunikazzjoni f’Budapest l-Ungerija.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif permezz ta’ din id-diskussjoni, dawk kollha involuti se jkunu jistgħu jressqu l-ħsibijiet tagħhom quddiem dan il-Kumitat.
Meta kien qed jindirizza lill-Ministri preżenti dwar is-suġġett li ffoka fuq l-irwol tal-gvern fil-5G u fejn għandu x’jaqsam network b’kapaċità għolja, is-Segretarju Parlamentari Schembri spjega li l-Gvern Malti f’dawn l-aħħar snin iffaċilita t-tqegħid ta’ network ta’ broadband ta’ veloċità kbira f’Malta u dan billi jkun assigurat ambjent kompetittiv u klima favorevoli li tinkoraġġixxi l-investiment u l-innovazzjoni b’network fissi u mobbli ta’ kapaċità għolja.
Schembri saħaq li l-5G hu rikonoxxut bħala sors li se jġib miegħu benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti kif ukoll se jippermetti l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali innovattivi.
“Saret konsultazzjoni pubblika dwar il-fattibilità tal-5G li uriet li f’Malta, imsieħba ewlenin jaraw il-bżonn tal-5G u tas-servizzi li se jippermetti. Madanakollu, diskussjonijiet dwar is-suġġett iridu jsiru fuq firxa iżjed wiesgħa u b’mod ħolistiku,” saħaq Schembri.
Fakkar ukoll kif riċentament Malta kkonsultat dwar politika ġdida dwar spettru tar-radju ġdid immirat li jinkoraġġixxi iżjed investiment relatat mal-5G u dan kollu skont il-kodiċi ġdid Ewropew dwar il-komunikazzjoni elettronika.
Silvio Schembri, waqt li kompla jfakkar li l-Gvern Malti qed iħaddan it-teknoloġija bħal Blockchain, Intelliġenza Artifiċjali, Esport u Internet of Things, fl-istess waqt jinsab kommess li jinvesti fid-diġitizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sabiex jaqdi aħjar liċ-ċittadini.