Meta kien qed ikun intervistat dalgħodu, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal illi minkejja li Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-UE hija l-pajjiż b’fost l-akbar żieda fil-popolazzjoni u fost l-inqas żieda fil-pagi. Hu kien qed jikkwota statistika tal-Eurostat illi turi li fit-tieni kwart tal-2019 il-pagi f’Malta żdiedu b’1% meta l-medja Ewropea kienet ta’ 3.1%.
“Dan ifisser illi jekk persuna taqla’ €1,000 issa, biż-żieda fil-pagi f’Malta qed taqla’ €1,110. Jiġifieri €10 fix-xahar. Il-kirjiet b’kemm għolew?” staqsa rettorikament Delia. “B’€10 iktar fix-xahar fil-paga x’se tkopri? Il-kirjiet waħedhom irduppjaw, imma mbagħad hemm l-essenzjali wkoll.
Il-Kap tal-PN semma wkoll ir-rapport tal-Moneyval u fakkar illi qabel ħareġ dan ir-rapport kien diġà ppubblikat bħal sommarju ta’ dak li għandha bżonn tagħmel Malta, “imma minflok il-Gvern ħa l-biċċa xogħol bis-serjetà, il-Ministru Edward Scicluna sempliċiment qal li kull pajjiż għandu problemi ta’ ħasil ta’ flus.”
“Dan ir-rapport għandu konsegwenzi, fosthom li bħala pajjiż niġu blacklisted u ħadd ma jibqa’ jeħodna bis-serjetà,” sostna Delia.
Filwaqt li fakkar illi kien Gvern Nazzjonalista li attira lejn pajjiżna ħafna mill-industrija tas-servizzi finanzjarji, Delia qal illi l-PN se juri fejn il-Gvern qed jiżbalja u fejn hemm hemm bżonn ikun irranġat.
Finalment Delia ta ħarsa lejn l-ambjent u sostna li donnu l-Gvern sar jogħxa u jeheda jqaċċat is-siġar. “Jekk tara l-iżvilupp li għaddej bl-addoċċ, tinduna li l-Gvern m’għandux pjan."
“M’hawnx fejn tieħu nifs, qed nifgaw lil dan il-pajjiż u iktar żgħażagħ qed iħarsu biex jitilqu barra minn Malta. Meta jgħid li l-ambjent huwa prijorità għalih qed jidħak bin-nies.”
Delia akkuża lil Muscat illi b’Malta kożmopolitana jfisser li jrid jibni lil Malta kollha.