‘Mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-baġit’ - Muscat
Niżvelaw x'ġara fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u x'qalilhom Joseph Muscat
More in Politika
Niżvelaw x'ġara fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u x'qalilhom Joseph Muscat
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata illi waqt l-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u b’reazzjoni għal storja The Times fir-rigward ta’ min jinsab fuq quddiem “fit-tiġrija” għall-mexxej ġdid Laburista, Muscat insista li hu, la se jitlaq issa u lanqas wara l-baġit.
Din l-istqarrija ntlaqgħet tajjeb b’tisbit fuq il-mejda minn dawk preżenti.
Id-diċeriji issa ilhom għaddejjin sew dwar x’se jagħmel Muscat li meta kien elett Mexxej Laburista, kien qal illi għandu roadmap ta’ 10 snin għall-pajjiż, li fil-fatt jieqfu fl-2023 mhux issa (il-PL tela’ fil-Gvern fl-2013).
Jidher illi Muscat ma tantx deher kuntent b’dawn l-istejjer dwar il-futur tiegħu u tal-partit. Persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi l-PM kien pjuttost irrabjat meta qal li mhux se jitlaq issa.
Fir-realtà, id-diċeriji dwar il-futur qed jibdew jiddistabilizzaw xi ftit lill-partit b’Ministri li qed jissemmew bħala suċċessuri probabbli għaddejjin b’kampanji fuq il-midja soċjali kontinwament jippromovu lilhom infushom b’intervisti u ritratti fuq il-faċċati ta’ rivisti, ħalli jkunu lesti jekk u meta l-mument jasal.
Ilbieraħ fil-fatt, biex jagħmel tajjeb għall-perċezzjoni dejjem tissaħħaħ li fil-Partit Laburista għaddejja tiġrija, l-Grupp Parlamentari flimkien mal-Presidnent tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef, ħa ritratt li wħud mid-Deputati xerrdu bil-messaġġi ‘tim wieħed’ u ‘tim magħqud wara l-Prim Ministru’.
Fil-laqgħa tal-eżekuttiv Ian Borg u Konrad Mizzi, li flimkien mal-MEP Miriam Dalli qed jissemmew għat-tmexxija tal-partit, ma kinux preżenti. Dalli ma kinitx preżenti lanqas, iżda kien hemm preżenti żewġ MEPs tal-partit.
Mal-ILLUM sorsi qalu illi preżenti kien hemm Chris Fearne li skonthom kien xi ftit maħsud.
Intervistat minn din il-gazzetta, din il-ġimgħa stess Fearne baqa’ jaħrab milli jwieġeb direttament il-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar il-possibbilità li jkun f’tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista u sostna li dawn il-mistoqsijiet huma ‘ipotetiċi.’
Din kienet ukoll l-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Ministru Edward Zammit Lewis.