Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kabinett se jkun qiegħed jiddiskuti r-reklamazzjoni tal-art.
Qal dan, il-Ministru José Herrera meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ ġurnalista tal-MaltaToday.
Il-Ministru insista li r-reklamazzjoni tal-art ma tistax tibqa’ titqies bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn waqt li insista li l-viżjoni tiegħu dwarha hija waħda ċara.
Herrera spjega kif din il-ġimgħa stess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se tkun qed tgħaddilu l-aħħar preżentazzjoni dwar is-siti indikati li fihom tista’ ssir ir-reklamazzjoni tal-art.
Il-Ministru Herrera saħaq li jekk ir-reklamazzjoni tal-art issir f’Malta, din għandha ssir taħt id-direzzjoni diretta tal-Ministeru għall-Ambjent.
“Dak li għandu jkun prijorità huwa l-aspett ambjentali,” saħaq il-Ministru.
Fl-istess nifs, il-Ministru qal li ma jistax ikollok proġett għall-aspett estetiku biss iżda jrid jingħata wkoll “dimensjoni kummerċjali.”
Kien għalhekk li saħaq li issa l-ħidma trid tkun iffukata biex jinħoloq bilanċ bejn dawn iż-żewġ aspetti.
Aqra aktar dak li rrapportat illum dwar dan is-suġġett: