Roberta Metsola se tirrappreżenta lill-PPE fuq il-Grupp dwar is-saltna tad-dritt

Roberta Metsola tgħid li hemm bżonn jitkompla x-xogħol li inbeda fuq is-saltna tad-dritt fl-Islovakkja u Malta, fejn inqatlu żewġ ġurnalisti

Roberta Metsola, MEP tal-PN
Roberta Metsola, MEP tal-PN

il-Membri Parlamentari Ewropej ilbieraħ qablu li jerġgħu jistabbilixxu l-Grupp ta' Monitoraġġ dwar is-Saltna tad-Dritt tal-Parlament Ewropew u jestendu l-mandat tiegħu sal-2022. Qablu wkoll li jżidu l-kompetenza tiegħu biex jistħarrġu dwar diversi theddid fuq id-demokrazija, il-ksur tad-drittijiet u korruzzjoni fl-Istati Membri.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Maltija Roberta Metsola u l-MPE Slovakk Vladimir Biolcik intgħażlu bħala r-rappreżentanti tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). 

Dan il-grupp ġie Malta darbtejn wara l-qtil tra' Daphne Caruana Galizia u għamel diversi rakkomandazzjonijiet. Fost il-membri kien hemm l-eks MEP Ana Gomes, kiritku kbir ta' Joseph Muscat minkejja li kienet fil-partit soċjalista wkoll. 

“Ġejt lura bħala rappreżentant tal-poplu Malti u Għawdxi b'mandat aktar b'saħħtu biex nindirizza dawn il-kwistjonijiet u biex niddefendi l-valuri Ewropej li jsawru l-Unjoni tagħna. Il-Grupp se jħares lejn kull Stat Membru u se jfittex li jimbotta għar-riformi fejn dawn ikunu meħtieġa. Nistenna li l-Grupp jerġa' jżur l-Istati, jagħmel seduti ta' smigħ u jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi," qalet Metsola

"Aħna ser naħdmu fuq il-mandat ta' qabel li ħares lejn Malta u s-Slovakkja b'mod partikolari u nevalwaw liema progress sar, jekk sar, minn dakinhar li ppubblikajna r-rapport tagħna. L-interess tagħna hu li ma naqbdux mal-ebda Stat b'mod partikolari, imma li nħarsu lejn sistemi differenti fi Stati differenti u nagħmlu proposti biex insaħħuhom fejn dawn huma meħtieġa ", qalet il-MPE Metsola. 

Il-PPE innota kif dawn il-ħatriet qed iseħħu 700 jum wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

 

More in Politika