Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropea għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatović, ħeġġet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iwaqqa’ l-libelli li kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru, Mijatović saħqet li l-libelli li għadhom pendenti fil-konfront ta’ Caruana Galizia jqajmu diversi tħassib, mhux biss għall-familja ta’ Caruana Galizia, iżda anke għall-protezzjoni tal-libertà tal-midja u s-saltna tad-dritt f’Malta.
Hija saħqet ma’ Muscat li l-liġi f’Malta li tippermetti li każijiet ta’ libelli jistgħu jintirtu għand l-eredi, “tpoġġi lill-ġurnalisti u lill-familji tagħhom f’riskju u għandha effett kbir fuq il-ġurnaliżmu investigattiv b’mod partikolari.”
Il-Kummissarju tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dawn il-proviżjonijiet jitneħħew waqt li insistiet li dawn huma ta’ theddida għal-libertà tal-ġurnalisti f’Malta.
'Jiena offrejt li nwaqqa' l-libelli' - Joseph Muscat iwieġeb
Immedjata kienet ir-risposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat li kiteb lura lill-Kummissarju biex jisħaq li huwa kien offra li jwaqqa' l-libelli kontra Daphne Caruana Galizia jekk l-eredi tagħha jammettu li kienet żbaljata fl-allegazzjonijiet dwar Egrant
Il-familja qed tirrifjuta li tagħmel dan.
Huwa fakkar lill-Kummissarju li l-Att dwar il-Midja u l-Malafama, li jirregola każijiet ta' libelli, hija liġi ġdida li ddaħħlet fis-seħħ minn dan il-Gvern wara konsultazzjoni wiesgħa fuq livell lokali u internazzjonali.
Fakkarha wkoll li din il-liġi tabolixxi l-libell kriminali u anke tistabbilixxi massimu ta' €11,600 kemm ġurnalist jista' jeħel f'danni.
Insista wkoll li l-istess att joffri ċ-ċans lil eredi ta' persuna mejta biex anke huma jkomplu bil-libelli li l-persuna mejta tkun fetħet.