L-Akkademja tal-Malta qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet edukattivi biex jaraw li ċ-ċirkolarijiet uffiċjali kollha li jintbagħtu lill-ġenituri f'Malta u Għawdex ikunu l-ewwel u qabelxejn bil-Malti.
Dan qalitu fi stqarrija fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar, skola primarja għarrfet lill-ġenituri li ċ-ċirkolarijiet se jibdew jintbagħtulhom bl-Ingliż biss minħabba l-għadd ta' barranin li hemm fiha. Din iċ-ċirkulari ġiet irtirata.
“Filwaqt li l-Akkademja tieħu gost tara li llum il-ġurnata ħafna ġenituri Maltin jafu l-Ingliż, hija tqisu bħala diżrispett lejhom u lejn il-poplu Malti kollu meta d-deċiżjonijiet ta’ xi individwi fl-awtorità jwasslu għall-marġinalizzazzjoni tal-ilsien nazzjonali,” saħqet l-istqarrija.
L-Akkademja ħeġġet lill-edukaturi kollha biex jużaw il-Malti.
Fakkrithom li huma għandhom id-dmir li jżommu l-prestiġju tal-ilsien nazzjonali fil-għoli, u jaraw li l-funzjonalità tiegħu b’saħħitha.