Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, biex jippresedi Kummissjoni
More in Politika
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, biex jippresedi Kummissjoni
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika indipendenti dwar l-omiċidju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia skond l-Att dwar l-Inkjesti,
Il-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.
Il-Gvern ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, iġifieri li ma hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju. Ta’ min ifakkar li, f’temp ta’ 50 jum mill-omiċidju, tliet persuni kienu ġew imressqa l-Qorti akkużati bl-omiċidju tas-Sinjura Caruana Galizia u issa ġew formalment impoġġija taħt att ta’ akkuża.
Fid-dawl tar-Riżoluzzjoni approvata mill-Kamra tad-Deputati nhar it-12 ta’ Dicembru, 2018 u tar-riżoluzzjoni tas-26 ta’ Ġunju, 2019 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern daħal f’diskussjonijiet tekniċi ma’ uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi evitat li din l-inkjesta pubblika tipperikola l-integrità tal-investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li diġà jinsabu għaddejjin f’dan il-każ.
Il-Gvern kellu, u għad għandu, riżervi kbar dwar il-metodoloġija użata u l-konklużjonijiet milħuqa fir-riżoluzzjoni msemmija tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda għandu l-ikbar rispett lejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-ħidma magħmula fl-aħħar ġimgħat hija turija ċara tar-rispett reċiproku li hemm bejn pajjiżna u din l-istituzzjoni importanti.
Il-Prim Ministru talab li din l-Inkjesta Pubblika tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha.
Il-profil tal-membri tal-kummissjoni:
Michael Mallia serva bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri mindu ħa l-ġurament tal-ħatra fid-29 ta’ Settembru 2009 sal-irtirar tiegħu bl-eta fit-30 ta’ Marzu 2015. F’dan il-perjodu, serva fil-Qrati Kriminali u ppreseda fuq diversi ġurijiet.
Din il-kariga segwiet esperjenza vasta ta’ 23 sena bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri, fejn serva wkoll bħala Maġistrat Anzjan.
Magħruf għall-integrità tiegħu, fl-2004 Dr Mallia kien nominat bħala President tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzjoni, pożizzjoni li żamm sa’ Diċembru 2005, meta l-każijiet kollha pendenti quddiem it-Tribunal kienu deciżi.
Bħalissa Dr Mallia huwa ċ-Chairperson tal-Kumitat tat-Taħrig għall-Ġudikanti.
Ian Refalo huwa Professur tal-Liġi Pubblika u Dekan Emeritu tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u jokkupa l-pożizzjoni ta’ Professur Ad Personam Jean Monnet fl-Università ta’ Malta.
Huwa meqjus bħala awtorità fil-liġi amministrattiva u pubblika u ppratika bħala avukat għal iktar minn 40 sena. L-esperjenzi tiegħu varjaw f’diversi kampi, senjatament dawk tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-liġi ċivili, kummerċjali u amministrattiva, fejn aġixxa bħala avukat ewlieni f’każijiet ta’ importanza.
Ħadem bħala avukat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Anthony Abela Medici serva bħala Direttur tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta bejn l-1981 u l-2010.
Abela Medici kien, u għadu, jinħatar mill-Qrati Maltin bħala espert forensiku f’diversi oqsma ta’ studju.
Huwa serva fil-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti li huwa kumitat ta’ esperti fi hdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa wkoll membru tal-Isteering Committee Ewropew Reġjonali għar-Royal Society of Chemistry.
Dr Abela Medici huwa preżentament il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.