Imtela' spejjeż u tela' d-dejn ...is-sitwazzjoni fil-parroċċa ta' Deo

Id-djun kibru u bdew jitilfu l-kontroll hekk kif kibret il-festa, bil-konsegwenza li Debono kellu jfittex dħul ieħor fosthom jitlob self minn fuq l-idejn ta' eluf minn persuni fil-parroċċa

Wara ġimgħa ddominata mill-akkużi fil-konfront ta’ Patri Deo Debono, din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-parroċċa kienet u probabbilment għadha qed tiffaċċja problemi u diffikultajiet serji finanzjajri , bl-ILLUM saħansitra ssir taf li mhux wisq żmien ilu l-istess Patri Debono kien talab għal self ta’ €5,000 biex ikun jista’ jħallas għall-ispejjeż.

Minn diversi sorsi differenti, uħud minnhom qrib Debono u oħrajn barra l-Belt Valletta iżda li ħadmu miegħu, jirriżulta li l-akbar kawża għal dawn il-problemi finanzjarji kienet l-ispiża enormi fuq il-festa ta’ Santu Wistin. Fil-fatt persuni li għandhom għal qalbhom din il-parroċċa fil-Belt Valletta u li tkellmu ma’ din il-gazzetta fuq kundizzjoni ta’ anonimità, sostnew illi filli l-festa ma kienet tidher imkien filli f’daqqa waħda, f’temp ta’ ftit żmien kien hemm armar kullimkien u l-ispejjeż relatati mal-festa splodew.

Fosthom, pereżempju, Patri Debono kien qiegħed jistieden xejn inqas minn 13-il banda għal ġimgħa festa, numru ħafna ikbar minn ħafna mill-festi u saħansitra ikbar mill-aktar festi popolari ta’ Malta.

Tajjeb infakkru illi f’dan il-każ, kuntrarjament għall-parroċċi b’każini, dawn l-ispejjeż dejjem joħroġhom il-kunvent minħabba li l-komunità Agostinjana hija organizzatur ewlieni u waħdieni tal-festa.

Eżempju ċar, jgħidulna s-sorsi diversi, kull darba li tiġi banda bejn it-Tnejn u s-Sibt iżżomm bejn wieħed u ieħor €1,000. Il-Ħadd imbagħad dan l-ammont jitla’ għal madwar €1,200. Ir-regoli l-ġodda li daħlu fi Frar juru illi kull servizz jiswa bejn €1,200 u €2,400, bl-ogħla marċ ikun dak ta’ filgħodu.

Is-sorsi li tkellmu qalu illi miżerjament dan biss, qed jiġi jiswa lil din il-parroċċa żgħira iktar minn €14,000.

“Deo dejjem ħadem għall-parroċċa, imma ra kbir u beda jieklu d-dejn,” sostna wieħed mis-sorsi tagħna. “Il-festa kibret vera. Imma kif kibret? U minn fejn ġejjin il-flus? Darba mar fuq organizzatur, ftit żmien ilu u saħanitra talbu self ta’ €5,000,” qal sors ieħor li ħadem mhux darba ma’ Deo. Sors ieħor illi kien jgħin fl-armar u l-festa esterna qal illi “dak li ħaddieħor għamel f’40 sena, Deo pprova jagħmlu f’sentejn. Imbagħad kien jiġi fuqna u jgħidilna li ‘għandna d-dejn’ u ‘m’għandniex biex inħallsu’ u li ‘għandna benefattur’, imma dan il-benefattur ma rajnieh qatt.”

L-istess sors jgħid li minn ftit wara li nħatar Kappillan Deo, fl-2014, beda ħafna proġetti biex jerġa’ jqajjem parroċċa li wieħed mis-sorsi jiddeskrivi bħala li kienet ‘assolutament mejta’. Nies qrib Debono jgħidu iżda li sentejn wara, hekk kif l-ispejjeż bdew telgħin, bdew il-problemi ta’ flus.

Waqa’ lura fi ħlasijiet u bosta kienu qed jilmentaw

Fi ċrieki tal-festi l-Kappillan Agostinjan kien qed jibni reputazzjoni ħażina ta’ persuna li ma tħallasx għas-servizzi li jingħataw fil-festa jew tħallas tard ħafna. Dan kien ikkofermat mal-ILLUM minn diversi persuni u baned.

Banda fil-Ħamrun qalet lil din il-gazzetta illi għal servizz fil-bidu ta’ Settembru tas-sena l-oħra tħallsu fil-bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena, disa’ xhur wara, u wara ħafna tfakkiriet u talbiet. Mistoqsijin jekk hux normali li festa ddum daqsekk biex tħallas, sorsi differenti ċaħdu.

Lil banda oħra, din id-darba f’Birżebbuġa, Debono ħallasha biss ftit ġranet ilu għal servizz li sar is-sena l-oħra. Is-sors mill-banda tal-Ħamrun qal lil din il-gazzetta illi għalkemm Debono stedinhom, fil-fatt din is-sena ma reġgħux ħadu sehem, biex “ma nerġgħux ningidmu.”

X’ġara sa issa?

Ftit xhur ilu, fi Frar preċiżament kienet irrapportata serqa mill-Kunvent tal-Agostinjani, serqa illi allegatament ma kinitx irrapportata mill-ewwel iżda li ġiet għall-għarfien tal-gazzetta In-Nazzjon. Jidher li ħadd mill-Agostinjani ma kien jaf b’din is-serqa hekk kif fil-verità pitturi li jiswew eluf kbar ta’ ewro, spiċċaw mibdula b’uħud bħalhom imma kopji.

Din l-istorja ħadet żvolta din il-ġimgħa meta sar magħruf illi dawn l-oġġetti nstabu għand sid ta’ ħanut tal-antikitajiet, ta’ persuna li tinnegozja antikitajiet u arti sagra biex imbagħad tbigħhom hi. Dawn kienu lesti biex jiġu mibjugħa u allura jinqasam il-ħlas.

Il-Pulizija ħadet dawn il-pitturi u anke ċensier tal-fidda taħt il-kustodja tagħha u bdiet tinvestiga, bil-Patri Deo Debono jgħin lill-Pulizija u jiġi interrogat.

Intant, l-Arċisqof ordna li Debono jitneħħa minn kappillan filwaqt li l-Provinċjal tal-Agostinjani f’Malta Leslie Gatt, ħabbar illi l-festa esterna kienet ikkanċellata.

Mal-ILLUM Debono ammetta li kien interrogat imma qal li l-istorja li kienet qed tingħata fil-bidu kienet imżejna bil-gideb.

Diversi rapporti qed jindikaw li Debono se jitressaq il-Qorti għalkemm jista’ jkun li ma jittellax waħdu u li jkun hemm akkużi fil-konfront ta’ persuni oħrajn.

More in Politika