Kważi 1,900,000 passiġġier jaqsmu bejn Malta u Għawdex fis-sajf
Il-Ministeru għal Għawdex jisħaq li dan kien rekord ieħor u jidher li t-turiżmu f'Għawdex se jibqa' b'saħħtu tul Ottubru u Novembru
More in Politika
Il-Ministeru għal Għawdex jisħaq li dan kien rekord ieħor u jidher li t-turiżmu f'Għawdex se jibqa' b'saħħtu tul Ottubru u Novembru
Matul is-sajf li issa għadda, qasmu bejn Malta u Għawdex 1,872,000 passiġġier u 550,000 vettura.
Dan juri żieda ta' 3.4% f'passiġġieri u 7.7% fil-vetturi fuq is-sajf tal-2018.
B’kollox, il-Gozo Channel għamlet 8,386-il vjaġġ, ħafna minnhom lil hinn mill-iskeda normali tas-Sajf
Fi stqarrija, il-Ministru Justyne Caruana sostniet li, għalkemm is-sajf huwa l-quċċata għal dan is-settur vitali għal Għawdex, illum qed tingħeleb l-istaġjonalità, għax il-gżira saret attrazzjoni turistika tul is-sena kollha.
Hija semmiet il-kalendarju ppakkjat kull ġimgħa b'festivals tematiċi, spettakli ta' kultura u divertiment popolari, kif ukoll promozzjoni aktar effettiva tal-patrimonju naturali, artistiku u storiku li joffri Għawdex.
“Irnexxielna niskopru u nesponu iktar niċeċ attraenti li bihom qegħdin nirrendu lill-gżira tagħna f’prodott turistiku distint li jiġbed lejh turisti Maltin u barranin, b'interessi u gosti varjati f'kull żmien tas-sena”, qalet il-Ministru
Dr Caruana semmiet b'tifħir lill-ħaddiema tal-Ministeru kif ukoll dawk fid-diversi entitajiet, bħal dawk tal-Gozo Channel.
Irreferiet ukoll “għas-suċċess enormi” li ġab miegħu r-raba’ vapur mal-flotta li kien strumentali biex mijiet ta' eluf ta' vjaġġaturi ngħataw servizz b'aktar effiċjenza u konvenjenza.
Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija, qal li dan is-sajf kien wieħed fuq l-istess livell tas-snin li għaddew, fejn in-numru ta’ turisti lejn Għawdex, kemm dawk barranin kif ukoll dawk Maltin, komplew jiżdiedu kull sena.
“Dan wassal sabiex kellna żieda fin-numru ta’ soddod fis-settur tal-akkommodazzjoni f’Għawdex bl-investiment tas-settur privat. Allura dan il-fatt ħoloq aktar kompetizzjoni interna sabiex jimtlew dawn is-soddod”, qal Joe Muscat.
Muscat ikkonkluda li l-prospetti għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru jidru sbieħ, u dan juri li l-isfida tal-istaġjonalità qed tiġi mtaffija, dan ukoll mertu tad-diversi attivitajiet li qed jittellgħu fuq bażi regolari bl-għajnuna tal-Ministru għal Għawdex.