'Dan huwa jum importanti għad-destin tal-Kottonera' - PN

Fi stqarrija, il-Kunsillier Malcolm Gatt saħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ teqred żewġ spazji miftuħa li kienu ta' żvog għan-nies tal-Kottonera

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla Malcolm Gatt appella lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fil-vot tagħhom li se jittieħed illum dwar l-estensjoni u d-dormitorju tal-Università Amerikana, jġibu quddiem għajnejhom l-interess tar-residenti tal-Isla qabel kull interess ieħor.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li dan huwa jum importanti għad-destin tal-Kottonera għax se jkun determinat jekk il-poplu tal-Isla hux se jkompli jkun “fgat bil-bini.”

Fi kliem il-Kunsillier, bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ teqred żewġ spazji miftuħa li kienu ta' żvog għan-nies tal-Isla u 'l madwar.

Jekk din l-applikazzjoni tiġi approvata, ikun ifisser li dawn l-ispazju jkunu spiċċaw darba għal dejjem b’konsegwenzi kbar għan-nies tal-Isla u anke għall-wirt storiku ta’ pajjiżna,” jisħaq Gatt.

Il-Partit Nazzjonalista appella biex il-ġid komuni jieħu preċedenza fuq kull interess ieħor.

 “Dan huwa l-aħħar mument fejn nistgħu nsalvaw dak li għandna u l-vot tal-lum għandu jmur kontra l-iżvilupp b'rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-Kottonera, fosthom dawk tal-Isla,” temm jgħid Gatt.

Aqra wkoll:

More in Politika