Il-Kummissarju Ewropew nnominata minn Malta, Helena Dalli għaddiet mill-ewwel test hekk kif il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Legali skrutinizza d-dikjarazzjoni tal-assi tagħha.
Dan huwa l-ewwel pass qabel il-Kummissarji nnominati jiġu mistoqsija mill-Ewroparlamentari matul il-ġimgħa d-dieħla.
Sorsi minn Brussell kkonfermaw mal-MaltaToday li l-proċess għall-iskrutinar tad-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Dalli, għal possibilitajiet ta’ kunflitt ta’ interess, spiċċa u r-riżultat tiegħu kien wieħed pożittiv.
Jidher li kien hemm numru ta’ Kummissarji nnominati li ntalbu jipprovdu aktar informazzjoni u Kummissarji oħra saħansitra ntalbu jidhru quddiem il-Kumitat.
Il-Kummissarju nnominata biex tkun responsabbli mit-Trasport, Romana Plumb għandha tidher quddiem il-Kumitat biex tispjega għaliex ma ddikjaratx żewġ loans li għandha u li jammontaw għal madwar €1 miljun.
Kummissarju ieħor, László Trócsányi se jkun mistoqsi dwar kumpanija li fetaħ lura fl-1991.
Jekk l-Ewroparlamentari ma jkunux kuntenti bit-tweġibiet tagħhom, dawn jistgħu ma jingħatawx il-portafoll imwiegħed lilhom.
Intant, il-grilling ta’ Helena Dalli se jsir nhar il-Erbgħa 2 ta’ Ottubru.