Filmat | Delia jgħid li l-PM huwa responsabbli għall-'korruzzjoni' fl-iskema taċ-ċittadinanza

Il-PN talab lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament biex jinvestiga dak żvelat mill-programm Franċiż Enquête Exclusive

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tefa’ l-ħtija tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fuq il-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat, għax fi kliemu huwa responsabbli mill-abbuż tal-poter fil-bejgħ tal-passaport Malti.

Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li l-Oppożizzjoni talbet formalment lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament biex jinvestiga dak żvelat mill-programm Franċiż Enquête Exclusive.

Ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini tal-aġenti Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Il-ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Wara dawn l-allegazzjonijiet, il-liċenzja ta’ Chetcuti Cauchi biex iservu ta’ aġenti tal-IIP ġiet sospiża.

Fl-ittra ppreżentata quddiem dan il-Kumitat, l-Oppożizzjoni talbet biex ikunu investigati dawn l-allegazzjonijiet billi tinstema’ x-xhieda ta’ dawk kollha involuti u anke d-dokumentazzjoni kollha li tkun neċessarja

Il-Kap Nazzjonalista, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli u mill-kelliem Karol Aquilina saħaq li dan “l-iskandlu,” se jkollu effett negattiv fuq is-settur finanzjarju li jimpjega eluf ta’ persuna.

Delia insista li dan huwa każ ċar ta’ korruzzjoni.

Fakkar li l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern biex jibda inkjesta indipendenti dwar din il-materja.

“Il-Gvern għandu ċans, li għal darba, jagħti sinjal li jrid isalva r-reputazzjoni ta’ Malta,” insista Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra din l-iskema u li se jibqa’ jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta.

L-ittra li l-PN ippreżenta quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi
L-ittra li l-PN ippreżenta quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi

"Il-Partit Laburista m’għandu ebda diffikulta jsir dan fil-mument opportun."

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li, "għax m’għandux xi jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni,spiċċa jivvinta waħda ġdida kuljum." 

Il-PL saħaq li l-Gvern kien pront ħa l-passi kollha meħtieġa u li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid xi ħaġa differenti ma’ kull ġurnata li tgħaddi. "Ir-reazzjoni tiegħu fuq ir-rapportaġġ dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’ investiment qed tibqa’ tinbidel il-ħin kollu. Filli jkun irid ħaġa u filli jkun irid oħra," qal il-PL.

Żied jgħid li l-aħħar mossa ta’ Delia hi dik li jitlob il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiddiskuti s-suġġett. "Il-Partit Laburista m’għandu ebda diffikulta jsir dan fil-mument opportun."

More in Politika