Disa' seabins ġodda se jiġu installati fil-portijiet Maltin
Hemm aktar seabins li l-post għalihom għad irid jiġi determinat
More in Politika
Hemm aktar seabins li l-post għalihom għad irid jiġi determinat
Fil-portijiet bħalissa qed jiġu installati seabins ġodda, bl-ewwel wieħed ġie installat fil-port tal-Birgu
B’kollox s’issa ġew approvati u ffinanzjati 9 seabins ġodda. Dawn se jkunu fil-Pietà, f’San Ġiljan, fil-Birgu, fl-Imsida, f’Marsaxlokk, f’Marsaskala, f’Ta’ Xbiex, fil-Kalkara u fil-Gżira. Barra minn hekk hemm 9 seabins oħra li l-post għalihom għad irid jiġi determinat.
Dawn is-seabins qed jiġu ffinanzjati minn entitajiet privati fosthom il-kumpanija Norwex li kkommettiet ruħha għal 10 seabins.
Il-kumpanija Strand Marine and Auto Systems Ltd qed tieħu ħsieb il-loġistika kollha filwaqt li l-eNGO Żibel qed tieħu ħsieb l-aspett edukattiv.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-gvern huwa impenjat li jara li l-pajjiż ikun iżjed nadif mill-bieraħ.
“Nemmnu li l-installazzjoni ta’ dawn is-seabins hija meħtieġa, għaliex dawn jipprovdu soluzzjoni ħolistika għat-tnaqqis tal-iskart mill-baħar u għat-tnaqqis tal-ħsara li dan qed jagħmel lill-ekosistema marittima,” saħaq Parnis.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista tkellem dwar l-importanza tal-indafa mhux biss fuq l-art iżda wkoll fil-baħar.
Huwa spjega kif dawn is-seabins jikkonfermaw l-importanza li l-Gvern qed jagħti lill-indafa u lill-upkeep f’pajjiżna.
Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se tidħol f’arranġament mal-eNGO Żibel biex jitbattlu s-seabins u ssir il-manutenzjoni li jista’ jkollhom bżonn.