Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar kontra l-estensjoni tal-Università Amerikana f'Bormla, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield saħaq illi jinsab sodisfatt li l-PA għarfet l-argumenti tar-residenti tal-Kottonera.
“Aħna Gvern sensittiv u Gvern illi jisma'. Jiena smajt il-kostitwenti tiegħi u ressaqt dak li kelli nressaq,” saħaq id-Deputat Laburista.
Tul iż-żmien illi għadda l-proġett għall-estensjoni tal-Università Amerikana fil-Baċir Numru 1 u anke l-propost dormitorju fi Triq San Pawl kienu ta’ tħassib serju għar-residenti tal-Kottonera.
Wieħed mill-aktar vuċijiet voċiferi kontra dan il-proġett kien dak tal-istess Bedingfield li f'kummenti varji ma' din il-gazzetta saħaq li kontra l-iżvilupp li “kien se joħnoq l-unika spazju miftuħ fil-Kottonera.”
Apparti minn dan, Bedingielf kien ukoll ippropona żewġ siti alternattivi għad-dormitorju tal-AUM, b’wieħed minnhom ikun il-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara. Fl-istess waqt l-Għaqda Ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) kienet qalet li tinsab fi qbil totali ma’ din il-proposta.