Filmat | Tirritorna tal-Linja l-antika iżda b'ħarsa lejn il-futur

Malta Bus Reborn hija esibizzjoni fi Pjazza Tritoni nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2019 fit-tmienja ta’ filgħaxija

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali ħabbar it-tnedija uffiċjali tal-kunċett ‘Malta Bus Reborn’ li se sseħħ permezz ta’ esibizzjoni fi Pjazza Tritoni nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2019 fit-tmienja ta’ filgħaxija. 

‘Malta Bus Reborn’ huwa kunċett li tħabbar għall-ewwel darba fl-1 ta’ April ta’ din is-sena, fejn qanqal diskussjoni b’risposta pożittiva minn ħafna nies. 

Dan il-kunċett, li ġie propost mill-Perit Jonathan Mizzi u Mizzi Studio, huwa bbażat fuq disinn innovattiv għal flotta elettrika ta’ karozzi tal-linja, liema disinn jinkorpora diversi karatteristiċi partikolari li kienu assoċjati mal-karozzi tal-linja tradizzjonali li konna naraw fuq it-toroq tagħna.

Il-ħsieb wara dan il-kunċett huwa li jżewweġ il-kultura u t-tradizzjoni mal-progress u s-sostennibilità, b’mod partikolari fil-mod ta’ kif niċċaqalqu

Video is unavailable at this time.

“Meta nitkellmu dwar l-intermodalità, ma nkunux qegħdin infissru biss li minflok dejjem nużaw il-karozza privata, nagħżlu li nimxu jew li nsuqu xi vettura iżgħar bħall-mutur jew ir-rota. Anzi, mezz importanti mmens f’din il-mixja huwa dak tat-trasport pubbliku,” saħaq il-Prim Ministru. “Ma nistgħux ma nappoġġjawx bis-sħiħ kunċett li jpoġġi fuq quddiem nett l-ambjent u s-sostennibilità, filwaqt li jħares lura lejn il-punt tat-tluq tagħna fi tfulitna.” 

Min-naħa tiegħu, il-Perit wara dan il-kunċett Jonathan Mizzi qal li d-disinn għal Malta Bus elettrika ġdida jiċċelebra l-legat ikoniku tal-predeċessuri tagħha, filwaqt li jadatta għall-preżent permezz ta’ disinn ġdid li huwa kontemporanju u effiċjenti ħafna. 

Il-kunċett ‘Malta Bus Reborn’ għandu l-appoġġ ta’ diversi entitajiet u stakeholders oħrajn, fosthom Malta Public Transport, Arts Council Malta, Heritage Malta, Transport Malta, Eden Leisure Group, Mizzi Organisation, Stargate Studios, Lovin Malta u Gadgets.

More in Politika