
Affarijiet li naqsu mill-Kunvent ta’ Patri Deo għadhom ma nstabux
Patri Debono jinsab fuq police bail, anke jekk għadu ma tressaqx il-Qorti

More in Politika
Patri Debono jinsab fuq police bail, anke jekk għadu ma tressaqx il-Qorti
Il-gazzetta ILLUM hija infurmata minn sorsi affidabbli li għadha għaddejja t-tfittxija għal affarijiet li ġew irrapportati nieqsa mill-Kunvent tal-Patrijiet Agostinjani tal-Belt Valletta.
Fiċ-ċentru ta’ dan il-każ hemm l-eks Kappillan Patri Deo Debono li qed ikun investigat mill-Pulizija b’rabta mal-għibien ta’ pitturi prezzjużi mill-istess Kunvent u anke fidda antika mill-Monasteru ta’ Santa Katarina, immexxi mis-Sorijiet Agostinjani fil-Belt Valletta wkoll.
Bħalissa, Patri Debono jinsab fuq police bail, anke jekk għadu ma tressaqx il-Qorti kif diversi ġurnali kienu qed jindikaw li kellu jiġri din il-ġimgħa.
Sorsi, li tkellmu mal-ILLUM, spjegaw kif il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, fosthom għax hemm affarijiet, x’aktarx apparti l-pitturi, li huma nieqsa mill-Kunvent u li għadhom ma nstabux.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġurnal in-Nazzjon, irrapporta kif mill-Kunvent Agostinjan instabu nieqsa wkoll diversi pitturi antiki.
Hu mifhum li l-Pulizija, apparti Patri Debono, qed tinvestiga terzi persuni wkoll b’rabta ma’ dan il-każ.
L-ILLUM kienet irrapportat kif il-parroċċa li kien imexxi Patri Deo Debono kienet u probabbilment għadha qed tiffaċja problemi u diffikultajiet finanzjarji, x’aktarx kawża tal-ispiża enormi fuq il-festa ta’ Santu Wistin, tant li Patri Deo kien waqa’ lura fil-ħlasijiet.
Intant, din il-gazzetta hija infurmata wkoll li kien hemm persuni li taw is-servizz tagħhom għall-festa ta’ din is-sena, li meta marru biex isarrfu ċ-ċekk li ngħatalhom għal xogħolhom, dan ma ssarrafx għax Patri Deo huwa l-firmatarju.