Il-Moviment Graffitti kkundanna kif maskra ta’ wiċċ il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg kienet ikkonfiskata waqt attività li l-grupp kien qiegħed jorganizza waqt Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta.
Fuq Facebook, Graffitti spjega kif ħaddiema tas-sigurtà marru fuq l-istudenti u ordnaw li l-maskra tiġi kkonfiskata.
Fuq l-istand tagħhom, Graffitti qed jitkellmu mal-istudenti dwar l-ambjent u t-tħassib tagħhom. Studenti, lebsin ta' torrijiet, dehru viċin l-istand u ma' kull torri kien hemm imwaħħla maskra b'wiċċ xi ħadd, fosthom anke tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti.
Graffiti saħaq li huwa ironiku kif l-Università qed twaqqaf dibattitu politiku, meta politiċi stess iżuru din il-ġimgħa ta’ attivitajiet.
Huma kkundannaw kif fl-Università, qed tipprova “tiċċensura” diskussjoni politika.