'Il-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti m'huwiex qiegħed hemm biex sempliċiment japprova'

Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi 2019-2020, il-Prim Imħallef jagħmilha ċara li l-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti m'huwiex sempliċiment 'rubber stamp'

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi
Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi

Fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-sena forensi 2019-2020, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi saħaq illi, “Il-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti qed jifli b’mod mill-aktar minuzzjus l- applikazzjonijiet li qed ikollu u mhuwiex qed servi kif forsi ħasbu xi uħud’ ta’ “Rubber stamp.”

“Tant hu hekk,” żied jgħid Azzopardi, “illi kontra qalbna ukoll irrifjutajna numru minnhom. Dan ma huwa ebda rifless fuq il-kapaċitajiet tal-persuni konċernati bħala Avukati, għax il-Kumitat jara f’uħud minnhom potenzjal għall-futur iżda l-Kumitat ħass li appuntu fir-rigward ta’ dawn il-persuni, kien jeħtiġilhom aktar esperjenza speċjalment fil-litigazzjoni biex ikunu parti funzjonali mill-ewwel mill- Ġudikatura.”

Ta’ minn jinnota li attwalment il-Qorti qiegħda tisma’ każ li fetħet Repubblika konta l-Gvern Malti li fih qed titlob sabiex il-ħatriet tal-ġudikatura jieqfu sakemm jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Fi żvolta oħra din il-ġimgħa, Il-Qorti ma laqatx it-talba ta' Repubblika biex il-ħatriet tal-ġudikatura jitwaqqfu temporanjament iżda ddeċidiet li l-każ oriġinarju għandu jibqa’ jinstema'.

Fuq l-istess kwistjoni l-Prim Imħallef qal li din mhix l-ewwel darba li nqalgħet din il-kontroversja.  “Araw ftit x’kiteb predeċessur illustri tiegħi, Sir Arturo Mercieca, fil awtobiogjografija tiegħu meta irrefera għall- perjodu meta kien Prim Imħallef fis-snin għoxrin u tletin sas-seklu l-ieħor. Huwa dover tiegħi li ngħid però li l-ġudikatura tagħna għandha tradizzjoni tajba. Miniex ngħid li qatt ma’ kellna problemi li anke ħarġu fil-beraħ, imma nistgħu niftaħru li għandna tradizzjoni tajba ħafna u dan anke meta konna għandna kolonja u jiena ċert li sħabi kollha huma kburin isegwu din it-tradizzjoni, sostna Azzopardi.

Tul id-diskors tiegħu Azzopardi qal ftit huma dawk li japprezzaw kemm huwa diffiċli għall-membri tal-ġudikatura biex jitkellmu fil-pubbliku. “Kif kiteb dan l-aħħar xi ħadd f’ġurnal lokali, huwa faċli li tattakka membri tal-ġudikatura għax taf li ma jistgħux jirrispondu."

 

More in Politika