Kuntrarju għall-bieraħ, illum studenti attivisti tħallew jilbsu l-maskri politiċi fil-Kampus tal-Università ta’ Malta.
Ilbieraħ il-Moviment Graffitti kkundanna kif maskra ta’ wiċċ il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg kienet ikkonfiskata mill-ħaddiema tas-sigurtà f'attività li l-grupp kien qiegħed jorganizza waqt Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta.
Iżda illum jidher li dawn il-maskri rritornaw bid-differenza tal-ebda konfsika jew azzjoni mill-ħaddiema tas-sigurtà.
Fuq l-istand tagħhom, Graffitti kienu qed jitkellmu mal-istudenti dwar l-ambjent u t-tħassib tagħhom. Studenti, lebsin ta' torrijiet, dehru viċin l-istand u ma' kull torri kien hemm imwaħħla maskra b'wiċċ xi ħadd, fosthom anke tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti.
Intant f'kumment fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Chetcuti stqarr li ma jsib l-ebda oġġezzjoni li persuni jew studenti jużaw karikaturi tiegħu.