Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, flimkien mas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit, nedew proġett pilota li se jkun qed jgħin persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena biex iduru aħjar il-Belt Kapitali.
B’investiment ta’ €6,000, l-anzjani, kemm dawk residenti l-Belt, kif ukoll dawk li mhumiex, se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn żewġ scooters li nxtraw apposta għalihom.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb l-aċċessibbilità u l-mobilità fil-Belt Valletta.
F'kummenti mas-sit illum.com.mt, is-Sindku tal-Kapitali, saħaq li dan huwa biss proġett pilota bit-tir huwa li fil-Belt Valletta jkun hemm xejn inqas minn 20 scooter.
Dan is-servizz tal-iscooter jista’ jiġi pprovdut jew mill-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali fil-Belt Valletta stess, jew mill-venda tal-karozzi tal-linja.
Wieħed irid iċempel fuq 21 695544 mill-inqas jumejn qabel ma jkun meħtieġ is-servizz sabiex jibbukja.
Is-servizz se jkun jista’ jintuża sa tlietsigħat sħaħ fil-Belt Valletta mingħajr ħlas.