L-iskola primarja tal-Mellieħa terġa’ bla spazju u l-estensjoni għadha tistenna
Anke jekk sas-sena li għaddiet l-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa kellha tkun lesta, l-applikazzjoni għadha tistenna quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għax għadhom għaddejjin l-istudji
minn Yendrick Cioffi
Anke jekk għal sena skolastika oħra l-iskola primarja tal-Mellieħa reġgħet spiċċat b’nuqqas ta’ spazju, għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-bini tal-estensjoni ta’ din l-iskola.
Sa ftit tax-xhur ilu, l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskola (PA2255/18) kienet fl-istadju tal-“iscreening”, madanakollu bħalissa, skont l-informazzjoni pubblika fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-istess applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskola tinsab sospiża fuq talba tal-perit.
Dan ma jfissirx li l-applikazzjoni waqgħet. Hija prattika komuni li perit jitlob aktar żmien speċjalment jekk ikun għad fadal aktar studji xi jsiru. Fil-fatt, kelliema għall-Ministeru kkonfermat mal-gazzetta ILLUM li għadhom qed isiru l-istudji bħala parti mir-rekwiżiti għall-proċess tal-applikazzjoni tal-permess.
Dan minkejja, li għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Robert Cutajar u li saret fl-10 ta’ Ottubru tal-2016, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien qal li “hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet tekniċi u applikazzjonijiet għandhom isiru għall-ħabta ta’ nofs l-2017.”
Madanakollu huwa ċar li bdiet sena skolastika ġdida u għal darb’oħra, l-estensjoni ta’ din l-iskola għadha qed tistenna, minkejja li n-nuqqas ta’ klassijiet baqa’ jinħass kif inħass matul l-aħħar snin.
Fil-fatt, l-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa għadha lanqas ma hi mniżżla fis-sit tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada bħala parti mil-lista tal-proġetti li l-Fondazzjoni qed taħdem fuqhom.
L-istudenti tal-Kindergarten jibqgħu bil-klassijiet barra mill-iskola....
Sadanittant, kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonfermat ma’ dan is-sit li bħas-snin l-imgħoddija, l-istudenti tal-Kindergarten se jkollhom il-klassi tagħhom fil-klabb sportiv tal-Mellieħa (Mellieħa Sports Club), liema klabb jinsab biswit l-iskola primarja.
Apparti minn hekk, fl-istess klabb se jkun hemm żewġ klassijiet għall-istudenti barranin li jkunu qed jieħdu dak magħruf bħala ‘induction’ fil-Malti bħala Lingwa Barranija.
Madanakollu, meta mistoqsija minn din il-gazzetta, il-kelliema saħqet li anke jekk din is-sena studenti se jkunu qed jirċievu t-tagħlim tagħhom barra mill-iskola, l-għadd tal-klassijiet fil-klabb sportiv mhux se jkun qed jiżdied.
Spjegat kif f’din is-sena skolastika daħlu madwar 60 student ġdid li l-biċċa l-kbira minnhom se jkunu fil-klassijiet tal-kindergarten 1 u għalhekk saħqet li ma kienx hemm bżonn li jiżdiedu aktar klassijiet fil-Mellieħa Sports Club.
Dan ifisser, li bħas-sena li għaddiet, skont l-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta mill-istess Ministeru, il-klabb sportiv qed jilqa’ fih minn tal-inqas 80 student imqassma f’seba’ klassijiet.
Il-bżonn tal-estensjoni ilu snin jinħass...
Il-gazzetta ILLUM ilha għal dawn l-aħħar sentejn tirrapporta dwar in-nuqqas ta’ spazju f’din l-iskola, fosthom għax il-popolazzjoni tal-Mellieħa kulma jmur qed tiżdied, anke għax diversi familji barranin qed jagħżlu li jgħixu f’din il-lokalità.
Lura fl-2016, il-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien approva emenda mressqa mill-Gvern bil-għan li l-Mellieħa Sports Club ikun jista’ jintuża bħala estensjoni ta’ din l-iskola.
L-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa se tkun qed tinbena kantuniera ma’ Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq il-Mitħna l-Ġdida.
Skont l-aħħar pjantidisponibbli, bl-estensjoni tal-iskola se jkunu qed jiżdiedu madwar 25 klassi, apparti kamra tal-IT u librerija, fost oħrajn. Taħt l-istess estensjoni se jkun qed jinbena parkeġġ ta’ żewġ sulari.