L-HSBC se jagħlaq seba' fergħat madwar Malta ... impjegati jilmentaw li saru jafu dalgħodu
Fost oħrajn, il-Bank qal li se jkun qed iżid l-attenzjoni tiegħu fuq is-sistemi bankarji diġitali
More in Politika
Fost oħrajn, il-Bank qal li se jkun qed iżid l-attenzjoni tiegħu fuq is-sistemi bankarji diġitali
Il-Bank HSBC ħabbar li se jkun qed jagħlaq seba’ fergħat li għandu mxerrda f’Malta.
L-HSBC ħabbar dan fuq il-Malta Stock Exchange waqt li saħaq li l-pjan tiegħu huwa li jżid l-attenzjoni fuq is-sistemi bankarji diġitali.
Jidher li l-bank se jkun qed joffri skemi lill-impjegati li jagħżlu b’mod volontarju li jirriżenjaw.
Il-fergħat li se jagħlqu huma Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. F'dawn il-lokalitajiet se jibqa' jkun hemm ATM.
Fost affarijiet oħra, jidher ukoll li l-HSBC se jkun qed jgħaqqad żewġ fergħat li għandu, għal fergħa waħda kbira f’Ħal Qormi. Il-fergħa ta' Ħal Balzan se tkun qed tiġi amalgamata ma' din il-fergħa kbira f'Ħal Qormi.
Skont l-HSBC, il-klijenti bidlu b’mod rapidu l-mod kif jużaw is-sistemi bankarji u għalhekk inħasset il-ħtieġa li l-bank jimxi ma’ din il-bidla.
Apparti l-fergħa kbira fl-uffiċini prinċipali f’Ħal Qormi, il-bank se jkun qed jinvesti f’erba’ wealth management centres u anke fil-fergħat prinċipali tiegħu li se jkunu qed joffru għadd kbir ta’ servizzi, f’ħinijiet itwal u b’aċċessibbilità aħjar, inkluż il-parkeġġ.
Il-fergħat tal-HSBC li se jkunu qed joffru aktar servizzi f'ħinijiet itwal huma dawk tal-Belt, il-Mosta, Raħal Ġdid, Tas-Sliema u anke r-Rabat Għawdex.
Dawn se jkunu sostnuti mill-erba' Wealth Management Centres li se jkunu f'Birkirkara, il-Mosta, Raħal Ġdid u s-Swieqi. F'dawn il-fergħat se jkunu qed jiġu offruti servizzi estiżi ta' konsulenzi speċjalizzati.
L-HSBC se jibqa' joffri s-servizzi kollha fil-fergħat ta' Birkirkara, il-Gżira, is-Swieqi, iż-Żejtun u ż-Żurrieq u se jinvesti f'ċentri għas-servizzi tal-klijenti fil-Mellieħa, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ u San Ġwann.
'Kien hemm xniegħat imma ħadd qatt ma qalilna xejn'
Intant, impjegati tal-HSBC li tkellmu ma' dan is-sit urew mhux biss it-tħassib u l-inċertezza tagħhom iżda anke rabja għax ħadd ma kien jaf qabel b'din id-deċiżjoni.
"Xniegħat kien hemm imma ħadd qatt ma qalilna x'se jsir," qalulna l-ħaddiema.
Fil-fatt jidher li l-impjegati fil-fergħat ġew mgħarrfa b'din l-aħbar kmieni dalgħodu waqt laqgħat fil-fergħat qabel fetħu.