Aġġornata | Kurt Farrugia jiddefendi l-kuntratt tiegħu mal-Malta Enterprise

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia jirrispondi għal rapporti fil-midja dwar il-kuntratt tiegħu 

F’kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia ddefenda l-kuntratt tiegħu filwaqt li ddeskriva r-rapporti u ċ-ċifri ppubblikati fl-aħħar jiem fuq The Sunday Times of Malta bħala immaġinattivi.

“Il-figuri li kkwotaw fir-rapport tal-ġimgħa l-oħra huma bbażżati fuq disa' snin kuntratt, meta fil-fatt il-kuntratt tiegħi ma’ Malta Enterprise huwa għaż-żmien definit ta' tliet snin. Din ma hi xejn ħlief spin,” saħaq Farrugia waqt li wkoll tefa dubji fuq is-sorsi kkwotati fl-artikli.

Żied jgħid li għal fini ta’ ċarezza huwa saħansitra għadda kopja tal-kuntratt lill-gazzetta xahrejn ilu.

Apparti minn dan huwa qal li l-gazzetta naqset ukoll milli tinkludi fir-rapport ir-risposta li bagħtet l-istess Malta Enterprise.

Fl-aħħar nett huwa tenna jgħid li dan ‘l-attakk’ mhux se jaqtagħlu qalbu għaliex huwa dejjem ħadem biex jikseb riżultati.

“Ilni 12-il sena fiċ-ċentru ta’ attakki u gideb. Kont mhedded u abbużat verbalment minn għand dawk li jaħsbu li għandhom dritt divin li jkollhom rwoli statali probabilment għaliex twieldu bil-mgħarfa tal-fidda f’ħalqhom. Jiena ma twelidx hekk, dejjem ħdimt biex nikseb riżultati. Jien se nirrispondi billi nkompli naħdem u nikseb ir-riżultati," temm jgħid Farrugia.

Ivan Camilleri jerġa' jwieġeb

Intant, il-ġurnalist Ivan Camilleri ma ħallihx b'xejn u reġa' wieġeb b'ritratt mill-kuntratt ta' Farrugia.

Camilleri jimmarka tliet frażijiet, li skontu jwaqqgħu dak li qal Farrugia, jiġifieri li l-kuntratt ta' Farrugia jkun "estiż awtomatikament" għal "żewġ termini" oħra li ma jkunux jaqbżu d-disa' snin.

Madanakollu, il-klawżola li ppubblika Ivan Camilleri tikkonferma li l-kuntratt jista' ma jkunx imġedded. Kemm jekk Farrugia jagħżel li ma jkomplix terminu ieħor, jew jekk il-Malta Enterprise tagħżel li ma ġġeddidx, iż-żewġ partijiet iridu javżaw lil xulxin minn tal-inqas sitt xhur qabel it-tmiem tat-terminu.

X'irrapportat it-Times?

Is-Sunday Times of Malta rrapportat kif fuq perjodu ta' disa' snin, id-dħul ta' Farrugia mill-Malta Enterprise, se jkun qed jammonta għal €180,000, anke jekk se jibda b'pakkett ta' €131,000 fl-ewwel sena, bid-dħul tiegħu jiżdied b'€5,000 fis-sena.

Ilbieraħ, l-istess ġurnal irrapporta kif apparti dan, il-kuntratt jinkludi klawżola li tgħid li jekk Farrugia, fi żmien sentejn, jirriżenja mill-kariga tiegħu, jieħu wkoll is-somma ta' €130,000.

 

More in Politika